Id-Direttorat għar-Restawr ħabbar għaxar proġetti f’diversi lokalitajiet bħala parti mis-sitt edizzjoni tal-iskema ta’ restawr immexxija mill-Ministeru għall-Kultura u l-Gvern Lokali.
Il-proġetti huma diversi; minn dawk minuri bħal restawr ta’ niċeċ kif ukoll oħrajn aktar kumplessi fuq kappelli.
Fost il-proġetti ta’ restawr hemm l-Għajn tal-Ħasselin fl-Imsida, il-Kappella ta’ Ċelju fil-Marsa u l-Oratorju tal-Qalb ta’ Ġesù fil-Mosta. Proġetti oħra se jsiru fil-Belt, fil-Furjana, fil-Ħamrun, fir-Rabat, f’Ħal Lija, f’Ħal Balzan u f’Ħal Qormi.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Perit Ivana Farrugia tkellmet fuq id-diversi proġetti li diġà saru tul l-aħħar ħames edizzjonijiet ta’ din l-iskema.
Farrugia qalet, “In-niċeċ pereżempju li nsibu f’ħafna rħula, twettaq ir-restawr ta’ diversi niċċeċ f’ħafna rħula tul dawn l-aħħar ħames snin imbagħad ivarjaw għal proġetti ta’ daqs medju u akbar bħal pereżempju l-kappelli li nsibu fil-kampanja tal-irħula tagħna jew inkella anki monumenti storiċi li jmorru lura għall-kavallieri ta’ Malta. Insemmi pereżempju l-mina ta’ Hompesch, f’Ħaż-Żabbar.”
Il-Ministru José Herrera aċċenna għall-benefiċċji li din l-iskema ġġib magħha fosthom is-sehem tal-Kunsilli Lokali, li jagħtu direzzjoni dwar fejn hemm bżonn l-aktar restawr.
Il-Ministru Herrera stqarr, “Dawn il-proġetti huma importanti għaliex jippreservaw il-patrimonju tagħna kif ukoll fuq livell lokali. Dan il-proġett huwa partikolari għall-Kunsilli Lokali għax isaħħaħ l-aspett ta’ sussidjarjetà tagħhom, jiġifieri aktar awtonomija u t-tielet huwa li jixpruna aktar turiżmu.”
Ix-xogħlijiet fuq dawn il-proġetti mistennija jsiru u jitlestew fix-xhur li ġejjin.