10 priġunieri li qegħdin jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jingħataw l-opportunità li jaħdmu ma’ konsorzju involut fit-tisbiħ tar-roundabouts u spazji pubbliċi.
Dan wara li grupp ta’ 5 residenti kienu diġà ingħataw din l-opportunità.
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li din hija opportunità tajba sabiex ir-residenti li b’xi mod naqsu lis-soċjetà jagħtu xi ħaġa lura.
Il-Ministru Michael Farrugia qal: “Dan huwa parti mill-bidla fejn qiegħdin nagħmlu bilanċ, bejn id-dixxiplina, bejn ir-rijabilitazzjoni, bejn l-opportunitá illi illum stess qiegħdin nagħtu lil-inmates ħalli jintegraw ruħhom fis-soċjetá u ikunu verament parti mis-soċjetá riabilitatá u rispettata wkoll.”
Brandon Cachia, wieħed mir-residenti fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin li qed jieħu sehem f’din l-inizjattiva, qal li din hija opportunità biex jgħinu lil familthom mill-ħabs u fl-istess waqt għandhom is-serħan tal-moħħ li la darba jiskontaw is-sentenza, għandhom xogħol sigur u ma jerġgħux jaqbdu t-triq il-ħażina.
Brandon Cachia li huwa resident stqarr: “Hija ħaġa tajba għal kull priġunier fil-veritá li ħiereġ u għandek xogħol u dħul għalik, mhux joħroġ bla flus fil-but, lanqas taf fejn sejjer, xejn. Jiġifieri dawk ikunu ħafna mill-affarijiet li inti terġa tirrepeti l-istess żbalji, fil-każ ta’ min jabbuża mid-droga ovvjament solitudni, m’għandekx x’tagħmel. F’każ ta’ min ma jkollux flus ħeqq jispiċċa jerġa’ jmur jisraq.”
Walid Laouini resident ieħor fil-faċilità talab lis-soċjetá u lil kumpaniji oħrajn fil-privat sabiex jagħtu opportunitá simili lil dawk li fil-passat xellfu difrejhom mal-ġustizzja.
Walid Laoudini li ukoll huwa resident qal: “U nixtieq ngħid lis-soċjetá, naf li forsi b’xi mod jew ieħor aħna weġġajniehom, orrajt, pero li jistgħu forsi jaħfrulna l-ewwel ħaġa u t-tieni ħaġa li jtuna opportunitá nerġgħu nintegraw, imqar ċans żgħir. Nerġgħu nintegraw iktar magħhom.”