Matul l-aħħar tmiem il-ġimgħa, il-Pulizija kompliet bil-ħidma fil-qalba tal-komunitajiet, ukoll
f’żoni ta’ divertiment.
Saru wkoll operazzjonijiet relatati ma’ spezzjonijiet f’postijiet ta’ divertiment sabiex ikun assigurat li dawn qegħdin joperaw skont il-liġi fejn jidħlu liċenzji, liċenzji ta’ bouncers u ħaddiema.

Kienu spezzjonati 24 stabbiliment.
F’uħud minnhom instabu persuni li kienu qegħdin jaġixxu ta’ bouncers, iżda mingħajr il-liċenzja neċessarja biex joperaw f’post ta’ divertiment, jew mingħajr permess biex jaħdmu f’pajjiżna.
B’kollox inżammu għaxar persuni – ħamsa mis-Serbja, tlieta mill-Maċedonja, wieħed mill-Bulgarija u ieħor mill-Bangladesh.

Waqt dawn l-ispezzjonijiet, jassistu lill-Pulizija kien hemm uffiċjali tas-Servizzi ta’ Detenzjoni u minn JobsPlus.
Din il-ħidma hija parti minn spezzjonijiet regolari li qed isiru f’lokalitajiet differenti u li ser
tkompli tissaħħaħ fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.