Minn tal-inqas għaxar persuni nqatlu u ħmistax oħra ndarbu wara attakk bis-skieken fil-provinċja ċentrali Kanadiża ta’ Saskatchewan.
Dawn l-attakki seħħew f’postijiet differenti bil-pulizija tgħid li qed tinvestiga 13-il xena tad-delitt.
Iż-żewġ suspettati, Damien Sanderson ta’ 31 sena u Myles Sanderson ta’ 30 sena ħarbu minn fuq il-post u għadhom qed jitfittxu mill-pulizija. Huma meqjusa armati u perikolużi. Il-pulizija qalu lir-residenti sabiex joqgħodu ġewwa hekk kif għaddejja tfittxija għall-irġiel suspettati.
F’James Smith Cree Nation ġie dikjarat stat ta’ emerġenza. Hemmhekk tgħix komunità indiġena ta’ madwar 2,000 ruħ filwaqt li fir-raħal ta’ Weldon jgħixu mal-200 persuna.
Dan huwa wieħed mill-akbar assassinji li qatt rat il-Kanada.
Il-Prim Ministru Justin Trudeau ddeskriva l-attakk fuq Twitter bħala “orribbli u ta’ qsim il-qalb”.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ħadd filgħaxija, il-pulizija qalet li jaf hemm iktar nies midruba li huma ma jafux bihom għax marru minn jeddhom l-isptar. Il-pulizija kompliet tispjega li diversi attakki kienu fil-mira tas-suspettati però diversi daqqiet bdew jingħataw bl-addoċċ.
Wieħed mir-residenti tas-suspettati qal li huwa kien raġel sew u lanqas jasal iweġġa dubbiena.