Is-sena l-oħra, għaxar Kunsilli Lokali bbenefikaw mill-iskema tal-Awtorità tal-Artijiet li permezz tagħha tiffaċilita d-devoluzzjoni tal-artijiet pubbliċi.
Dan ħareġ minn informazzjoni li kiseb ONE News mill-Ministeru responsabbli għall-Artijiet.
Il-lokalitajiet li bbenefikaw minn ftehim ta’ dan it-tip fl-2024 huma Birżebbuġa, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar, Ħaż-Żebbuġ, Birkirkara, il-Kalkara, Ħal Lija, ix-Xgħajra, il-Mosta u ż-Żurrieq. Fost eżempji li hemm ta’ devoluzzjonijiet hemm dak ta’ ċentri u uffiċini għall-Kunsilli Lokali, waqt li wkoll hemm dawk ta’ ġonna u spazji miftuħa.
Permezz ta’ din l-iskema, il-kirjiet tal-art jew proprjetà pubblika devoluti lill-Kunsill Lokali ma jaqbżux aktar minn ħames mitt ewro. B’din il-miżura tal-Gvern tgħin qatigħ lill-Kunsill Lokali fil-ħidma tagħhom, hekk kif jiffrankaw eluf ta’ ewro fis-sena, waqt li jkunu jistgħu jagħmlu aktar proġetti favur il-lokalità tagħħhom.
Dwar dan tkellimna mal-Ministru responsabbli Stefan Zrinzo Azzopardi.
“Il-Kunsilli Lokali jitolbu għal diversi devoluzzjonijiet, normalment marbuta ma’ postijiet, li huma spazji miftuħa jew inkella ma’ uffiċċji tal-amministrazzjoni tal-Kunsilli Lokali u anki binjiet storiċi, li l-istess Kunsill Lokali jagħżlu li jieħdu l-impenn li jieħdu ħsiebhom u jirrestawrawhom. U naħseb li dan huwa mezz li nistgħu nkomplu nieħdu ħsieb b’mod aħjar l-amministrazzjoni tal-proprjetà pubblika.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi