Il-Kunsilli Lokali li se jgawdu minn fondi marbuta ma’ ‘Slow Streets’ laqgħu l-inizjattiva li se tippermettilhom jagħmlu proġetti ta’ mobilità sostenibbli fl-ibliet u l-irħula.
Is-sindki ta’ bosta lokalitajiet stqarrew magħna l-importanza li l-qalbha tal-irħula tingħata lir-resident permezz ta’ ideat innovattivi u kunċetti ġodda.
Bosta Kunsilli diġà ressqu l-applikazzjonijiet tagħhom filwaqt li għaxar kunsilli diġà irċievew fondi sabiex jibdew jimplimentaw dak li ressqu.
Is-sindku ta’ Ħal Safi Johann Mula spjega kif huwa l-għan li l-problema tat-traffiku u dawk li jġib magħhom ikunu indirizzati mill-kunsill.
Qal, “Ilna ħafna niddiskutu kif ser neliminaw din il-problema u immexxu dan it-traffiku miċ-ċentru tar-raħal għan-naħa ta’ barra tar-raħal. Permezz ta’ dawn il-fondi li ħadna illum ħa tgħinna fuq l-istudju li qegħdin nagħmlu biex aktar ‘il quddiem wara aktar konsultazzjoni estentiva mar-residenti ukoll nagħtu ċ-ċentru tar-raħal lura lir-residenti tagħna.
L-istess saħaq magħna s-sindku tal-Fgura, fejn qegħdin ikunu studjati l-possibilitajiet rigward it-triq prinċipali li hija suġġetta għal ammont sostanzjali ta’ traffiku.
Spjega, “Iddisukutejna biex naraw almenu nerġgħu nroddu parti minn din it-triq prinċipali tingħata ukoll għar-residenti tal-Fgura. Għaldaqstant bħalissa qed isiru ħafna studji.”
Is-sindku tan-Naxxar spjegat kif qegħdin jikkunsidraw ukoll għeluq ta’ toroq f’ħinijiet u ġranet partikolari li imur mal-kunċett ta’ ‘Slow Streets’.
Qalet, “Ċertu toroq ser nagħmluhom b’inqas traffiku, ser ikun hemm parti minnhom pedonali u ħa jkun hemm toroq ukoll li mhux bilfors nagħlquhom għal dejjem imma forsi għal tmiem il-ġimgħa. Biex nagħtu lura lin-nies.”