10 immigranti se jkunu qed jitressqu l-qorti wara li l-bieraħ filgħaxija għall-ħabta tat-tmienja (2000hrs), il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit, Special Intervention Unit u l-Għassa tal-Żurrieq ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom ġewwa Safi Barracks, Ħal Kirkop.
Il-Pulizija marru fuq il-post fejn irriżulta li kienet qed issir rewwixta minn grupp t’immigranti irregolari u anke saret xi ħsara fil-post.
Għaxar immigranti irregolari li kienu qed jieħdu sehem f’din ir-rewwixta ġew arrestati u ttieħdu l-Kwartieri Ġenerali għal iżjed stħarriġ, fejn wieħed mill-arrestati ta’ nazzjonalita’ Palestinjana allegatament m’obdiex l-ordnijiet sabiex issir tfittxija fuq il-persuna tiegħu, bħala parti mill-proċedura tal-Pulizija u kien ukoll kien aggressiv fil-konfront tagħhom.
Iżjed tard ir-raġel Palestinjan ittieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana, fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi peress li kellhom isirulu xi punti fuq in-naħa ta’ wara ta’ widintu. Wara reġa’ ġie meħud ġewwa l-Kwartieri tal-Pulizija fejn fuq dan l-inċident, bħala proċedura, infetħet inkjesta mill-Maġistrat Inkwirenti Dott Grazio Mercieca, LL.D, kif ukoll investigazzjoni interna.
Illum għall-ħabta tas-sagħtejn (1400hrs), il-Pulizija tad-Distrett, wara investigazzjonijiet, se tressaq taħt arrest fil-Qorti lill-persuni involuti fir-rewwixta, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dott Yana Micallef Stafrace, LL.D.