Mit-2 ta’ Settembu sal-11 ta’ Settembru, f’pajjiżna se tiġi ċċelebrata l-Pride Week fix-xahar iddedikat lill-persuni LGBTIQ+.
Wara sentejn ta’ pandemija dawn il-festi mistennija li jkunu ċċelebrati bil-kbir madwar Malta u Għawdex b’attivitajiet organizzati minn diversi gruppi.
L-attivitajiet se jinfetħu b’festin organizzat mill-Allied Rainbow Communities fit-2 ta’ Settembru.
Għall-ewwel darba din is-sena se jsiru żewġ mixjiet, magħrufa bħala Pride March: waħda f’Malta u oħra f’Għawdex.
Dik li se ssir fil-gżira Għawdxija se tiġi organizzata mill-għaqda volontarja LGBTI+ Gozo nhar is-Sibt li ġej.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, iddeskriviet din il-Pride Week bħala mument importanti ħafna għax minkejja r-riżultati li kiseb pajjiżna f’dan il-qasam, il-Gvern xorta waħda jinsab impenjat li jkompli jsaħħaħ id-drittijiet ċivili f’pajjiżna.
“Fil-fatt, għall-ewwel darba, se nkunu qed niċċelebraw il-Pride March ġewwa Għawdex, li jagħti messaġġ b’saħħtu fih innifsu. Il-fatt illi se nkunu qed niċċelebraw, il-fatt illi flimkien qed nikkonsolidaw u nibnu soċjetà aktar ugwali, soċjetà aktar inklussiva, soċjetà li tixraq lil uliedna… fl-aħħar mill-aħħar din hija ċelebrazzjoni ta’ ġimgħa, ċelebrazzjoni ta’ libertajiet ċivili u flimkien naħseb illi, bħala Gvern, aħna kommessi illi nkomplu nħanbqu sabiex ikollna din il-kawża tant għal qalbna.”
Dwar dan, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, laqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva li, stqarr, se sservi bħala turija ta’ appoġġ lil din il-komunità f’pajjiżna, b’mod speċjali fil-gżira Għawdxija, li hija kunsidrata bħala aktar konservattiva.
“Bħala parti mis-solidarjetà, bħala parti wkoll mill-appoġġ lill-komunità LGBTIQ ġewwa l-gżira ta’ Għawdex, kif forsi hija meqjusa gżira aktar konservattiva, sabiex proprju niltaqgħu flimkien ġewwa l-Qawsalla Hub, bażikament qrib il-Ministeru għal Għawdex, imbagħad inkunu qegħdin nagħmlu l-mixja flimkien għal Ġnien tal-Villa Rundle. Għaldaqstant, nemmen li dan huwa pass importanti ġewwa din il-gżira sabiex inkomplu nippromwovu, fl-aħħar mill-aħħar, l-ugwaljanza fost iċ-ċittadini tagħna.”
Ġimgħa wara, jiġifieri fl-10 ta’ Settembru, il-kapitali Maltija se tospita l-Malta Pride March, li se titlaq minn Pjazza Kastilja u ddur dawra mal-Belt sa Pjazza Tritoni.
Din il-mixja se tkun segwita minn kunċert fi Pjazza Tritoni.
Nhar il-Ħadd 11 ta’ Settembru, għat-tieni darba se tiġi organizzata l-Pride Around the Grand Harbour, li se tara għexieren ta’ opri tal-baħar ikkuluriti iżejnu l-Port il-Kbir.
Dawn l-attivitajiet se jkunu kkaraterizzati wkoll minn produzzjoni oriġinali bl-isem ta’ ‘It-Teatru tal-Miskin’, li se jsir bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti, tal-Aġenzija Żgħażagħ, tal-MGRM, tal-ARC, tal-Ispazju Kreattiv, tal-European Year of Youth, tal-BOV Joseph Calleja Foundation, u tad-Deloitte Foundation.
Din il-produzzjoni, minn Saydon Studio, se ssir bejn it-23 u l-25 ta’ Settembru fit-Teatru tal-Opra Aurora, ir-Rabat Għawdex, u bejn it-30 ta’ Settembru u t-2 ta’ Ottubru fl-Ispazju Kreattiv fil-Belt Valletta.
Ħafna mill-attivitajiet ta’ din is-sena qegħdin isiru bi preparazzjoni għall-EuroPride li pajjiżna se jkun qiegħed jospita s-sena d-dieħla.
Il-EuroPride hija l-akbar avveniment Ewropew ta’ persuni LGBTIQ+, u ta’ kull sena jattira eluf ta’ persuni minn madwar id-dinja lejn il-post fejn jiġi organizzat. Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jidħol fis-sit maltapride.org
Ara wkoll: