Figuri mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa jgħidu li 1 minn kull 160 tifel u tifla għandhom sinjali ta’ Awtiżmu filwaqt li studji oħra rrapportaw ċifri ogħla minn hekk, u jisħqu li 1% tal-popolazzjoni għandhom sinjali ta’ Awtiżmu, qal Alfred Sant f’seminar dwar ‘L-Istrateġija tal-UE dwar l-Awtiżmu Biex Ħadd ma Jibqa’ Lura’ fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
Dr Sant semma l-konklużjonijiet tal-programm ta’ tliet snin iffinanzjat mill-UE ‘Autism Spectrum Disorders in the European Union’ (ASDEU) li juru l-ħtieġa ta’ kura kostanti. Persuni b’sinjali ta’ awtiżmu għadhom soġġetti għall-umiljazzjoni u d-diskriminazzjoni, u għadhom imċaħħda milli jipparteċipaw fil-komunitajiet tagħhom.
L-Ewroparlamentari Malti rrefera għal konklużjonijiet tal-istudju tal-ASDEU dwar l-iżvilupp ta’ pjan ta’ saħħa pubblika fuq livell Ewropew. Dr Sant tkellem favur il-ħtieġa ta’ azzjonijiet, li jinkludu koordinament bejn l-istati membri li jwassal għal numru ta’ strateġiji nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE bbażati fuq linji gwida komuni u prattiċi armonizzati.
Dr Sant faħħar lis-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis għall-isforzi biex Malta timxi minn kunċett ta’ esklużjoni, għal wieħed ta’ soċjeta` ħolistika bbażata fuq l-inklużjoni.