Is-sena li għaddiet, in-numru ta’ dawk li qagħdu f’lukandi u fi stabbilimenti turistiċi f’pajjiżna kien 1,812,834 resident.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Meta mqabbel ma’ sena qabel, kien hemm żieda ta’ 831,044 persuna.
Fis-sena 2021, it-total ta’ dawk li qagħdu f’lukandi u fi stabbilimenti turistiċi kienu jgħoddu għal 981,790.
Minn dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ ukoll li, dawk li qagħdu fi stabbilimenti tal-akkomodazzjoni s-sena li għaddiet f’Malta kienu jgħoddu għal 1,724,011 resident, waqt li f’Għawdex kienu ta’ 88,823.
Skont l-NSO, l-aktar stabbilimenti tal-akkomodazzjoni li qagħdu fihom nies kienu dawk ta’ erba’ stilel – dawn kienu jammontaw għal 798,531 persuna. Wara jikklassifikaw dawk ta’ tliet stilel u tal-ħames stilel.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li, is-sena l-oħra, l-iljieli fl-istabbilimenti tal-akkomodazzjoni kienu jgħoddu għal 8,204,068. Dan ifisser differenza ta’ 3,593,362 lejl. Fis-sena 2021, l-għadd ta’ ljieli kien 4,610,706 lejl.