Fil-Jum Dinji tal-Oċean, minn ħdejn il-Port il-Kbir inġabru madwar 1.5 tunnellata ta’ skart tal-baħar.
Dan kien jikkonsisti l-aktar minn oġġetti tal-metall u tal-gomma. Ħafna mill-oġġetti tal-metall ġew riċiklati f’konformità mal-prinċipji taċ-ċirkolarità.
It-tindif sar minn Ambjent Malta b’kollaborazzjoni mal-NGO Calypso SAC u minn Transport Malta billi tipprovdi protezzjoni lill-għaddasa.
L-għan ewlieni ta’ dan il-jum huwa li titqajjem kuxjenza dwar ir-rwol kruċjali li għandu l-oċean f’ħajjitna u l-modi importanti kif in-nies jistgħu jgħinu biex jipproteġuh.
Fi stqarrija ntqal li b’mod ġenerali, iż-żibel fil-baħar huwa aktar dens fil-portijiet, u għal din il-ġurnata, Ambjent Malta kkoordinat din l-attività biex tkompli ttejjeb l-istat ta’ konservazzjoni tal-abitat tal-baħar barra min-netwerk tal-MPA.
Ambjent Malta ilha twettaq tindif ta’ rutina ta’ qiegħ il-baħar mis-sena 2000. Madwar 4 tunnellati ta’ debris tal-baħar inġabru fiż-Żoni Protetti tal-Baħar tagħna, l-aktar magħmulin minn plastik u oġġetti tas-sajd/dgħajjes.