L-uffiċċini tal-Kontroll għall-Aċċess tal-Vetturi fil-Floriana jara aktar minn miljun u tliet mitt ritratt ta’ pjanċi tal-karozzi kull xahar.
Dawn il-karozzi jidħlu u joħorġu minn ġewwa l-Belt Valletta u din is-sistema ta’ ritratti tikkalkula l-ħlas dovut għall-aċċess.
Din is-sistema tinvolvi l-użu ta’ kameras installati fil-punti ta’ dħul u ħruġ fil-Belt Valletta billi tintuża teknoloġija li tirrikonoxxi l-pjanċa tan-numru tal-karozza biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż għal kull vettura.
B’kollox hemm disa’ punti ta’ dħul u sitt punti ta’ ħruġ madwar il-Belt Valletta.
L-Operatur Maniġerjali tal-Kontroll għall-Aċċess tal-Vetturi, Brian Gatt qal li sar ħafna xogħol fir-riżorsi umani bil-għan li jinħoloq tim li jibni u jassisti pjattaforma intelliġenti mfassla apposta biex topera din is-sistema teknoloġika.
“Nieħdu approximately 1.3 million ritratt fix-xahar, però s-sistema tagħna hija avvanzata li bħal speċi aħna nilħqu ma din il-kwantità kbira ta’ ritratti.”
Brian Gatt irrimarka għax-xogħol li qed jagħmel il-gvern fis-settur tal-ekonomija diġitali biex ipoġġi lil pajjiżna fuq quddiem fl-innovazzjoni diġitali u t-teknoloġija avvanzata.
Ma’ dan ingħaqad is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo li spjega kif din il-kumpanija hija fost l-ewwel f’Malta li investiet l-aktar f’teknoloġija marbuta mal-intelliġenża artifiċjali.
“Illum il-ġurnata, grazzi għat-teknoloġija, flimkien anke mal-ħaddiema li jaħdmu f’ dawn l-uffiċini qed jingħata servizz mill-aqwa li ċittadini Maltin u Għawdxin u lil dawk kollha li jidħlu l-Belt Valletta.”