Reġgħu żdiedu l-pensjonijiet għat-tieni sena wara l-oħra. Dan qed isir wara 25 sena mingħajr żidiet.
Fil-baġit li għadda żdiedet il-pensjoni minima għal €140 fil- ġimgħa għal eluf ta’ pensjonanti. Il-Gvern b’hekk irnexxielu jagħmel dak li ma għamilx dak ta’ qablu għal bosta snin. Pensjonanti miżżewġa fuq pensjoni waħda u minima raw żieda ta’ €4.15 fil-ġimgħa.
Minn Jannar li ġej, se tingħata żieda oħra ta’ €4 fil-ġimgħa (jew €208 fis-sena). Din iż-żieda se titħallas pro-rata ukoll lil min għandu l-pensjoni tiegħu ftit ogħla mill-Pensjoni Minima.
Iż-żieda mħabbra se titħallas ukoll lill-pensjonanti miżżewġin li jieħdu l-Pensjoni tal-Età. Minn din il-miżura se jibbenefikaw madwar 2,500 pensjonanti miżżewġin.
Ħelsien mit-taxxa fuq pensjonijiet
Dan il-baġit qed idaħħal riforma oħra kbira: pensjonanti li għandhom aktar minn 61 sena m’humiex se jibqgħu iħallsu income tax fuq pensjoni jew pensjonijiet li jistgħu jiġu minn sorsi differenti, inkluż dik tas-sigurtà soċjali, tat-teżor, kif ukoll pensjonijiet lokali jew barranin li jammontaw sa massimu ta’ €13,000. Din ir-riforma ser titqassam fuq medda ta’ sentejn. Fl- aħħar tas-sentejn, pensjonant ser ikun iggwadanja ħelsien mit-taxxa sa massimu ta’ €585 fis-sena.
Din hija miżura li mistennija li tolqot mhux inqas minn 22,000 pensjonant. Iktar minn hekk hemm 9,000 pensjonant li mhux se jibqgħu iħallsu taxxa permezz ta’ din il-miżura.
Biex tinżamm l-ekwità fiskali bejn persuni single u l-miżżewġin fil-każ ta’ anzjani miżżewgin, minbarra it-tneħħija tat-taxxa fuq id-dħul fuq il-pensjonijiet sa €13,000, ser jingħataw tnaqqis ieħor min kull dħul taxxabli sa massimu ta’ €1,000.
Din il-miżura se titwettaq fuq medda ta’ sentejn.
Għajnuna Supplimentari għall-anzjani
L-għajnuna supplimentari għall-ħaddiema fuq il-paga minima ser tapplika wkoll għall-anzjani bi dħul baxx. Bis-saħħa ta’ din ir-riforma, se jiżdied sostanzjalment id-dħul ta’ madwar 9,500 pensjonanti miżżewġin li jgħixu b’pensjoni waħda, biex b’hekk, nolqtu wkoll il-koppji li mhux se jibbenefikaw mil-qtugħ fit-taxxa.
Għotja ta’ €300 fis-sena
Se terġa’ tkun estiża l-għotja ta’ €300 fis-sena lil dawk li għalqu l-75 sena u li għadhom jgħixu fid-djar tagħhom.
Bonus għal min ħallas il-kontribuzzjonijiet imma m’għandux pensjoni
Fil-baġit għall-2014, kien daħal għall-ewwel darba bonus li beda jitħallas kull sena lil numru ta’ nies, l-aktar nisa miżżewġa, li jkunu ħallsu kontribuzzjonijiet matul ħajjithom iżda ma ħallsux biżżejjed biex jikkwalifikaw għal pensjoni. Mill-1 ta’ Jannar li ġej se jiżdied dan il-bonus b’€50 fis-sena. B’hekk, il-bonus ta’ dawk li jkunu laħqu l-età tal-irtirar iżda m’għalqux 75 sena u li ħallsu aktar minn sena kontribuzzjonijiet iżda anqas minn 5 snin, se jiżdied minn €100 għal €150, filwaqt li l-bonus ta’ dawk li ħallsu aktar minn 5 snin kontribuzzjonijiet se jiżdied minn €200 għal €250 fis-sena. B’din il-miżura se jibbenefikaw madwar 12,500 persuna.
Pensjonanti tas-servizz
Mis-sena d-dieħla se jerġgħu jiżdiedu €200 oħra fl-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jitnaqqas mill-pensjoni tas-sigurtà soċjali. Din il-miżura se tkun qed tolqot aktar minn 5,000 pensjonant tas-servizz.
Tneħħija ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru
Matul din is-sena il-Kabinett, u aktar tard il-Parlament, approva emendi fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li jneħħu kull forma ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ ġeneru u li kienu ilhom hemm għal snin sħaħ.
Permezz ta’ dawn l-emendi fost oħrajn, se tispiċċa d-differenza fir-rati fissi jew minimi bejn l-irġiel u n-nisa. Kienu riveduti l-pensjonijiet ta’ dawn in-nisa biex titneħħa din id-diskriminazzjoni. Għal dawn in-nisa dan se jfisser żieda fil-pensjoni tagħhom li tista’ titla’ sa madwar €20 fil-ġimgħa.