Dalgħodu bdiet tiżżarma il-funtana tat-Tritoni. Funtana li sofriet ħafna ħsarat matul iż-żmien u li se tkun restawrata. Dan ir-restawr se jkun qed jikkumplimenta l-proġett li għaddej fuq l-istess pjazza quddiem Bieb il-Belt.
L-ewwel ma tneħħa kien il-platt. Dan ittieħdulu l-qisien u anke tkejjel, fejn instab li jiżen iktar minn kemm maħsub.
Il-platt u anke l-istatwi se jkunu qed jittieħdu f’workshop, fejn hemmhekk isirilhom xi xogħol fuqhom u wara jintbagħtu Firenze.
Hemm se jinħadem platt ġdid, filwaqt li se jsir intervent fuq l-istatwi oriġinali.
L-iskop aħħari huwa li l-funtana terġa’ lura għal kif kienet oriġinarjament, dan ifisser li t-tliet Tritoni jkunu huma li qed iżommu l-platt mingħajr il-kolonna tan-nofs.