Għall-ħabta tal-16.30, kien hemm splużjoni minn fejn jittella’ n-nar tal-festa tal-Gudja li nstemgħet sew fl-irħula tan-naħa t’isfel ta’ Malta. Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.
Is-sindku tal-Gudja John Calleja stqarr li lbieraħ in-nar ma ttellax kawża tal-maltemp u għalhekk ingħataw il-permess li jaħarquh illum. Ilbieraħ ma nħaraqx l-anqas in-nar tal-art u fil-mument li seħħet l-isplużjoni fl-għalqa d-dilettanti kienu proprju jagħmlu l-aħħar tħejjijiet ftit metri bogħod mill-għalqa.
Bosta nies li għamlu kuntatt ma’ ONE NEWS qalu li nstemgħet splużjoni qawwija u wara nstemgħu xi murtali jtiru.
Il-Kumitat tal-Madonna taċ-Ċintura ikkonferma li l-festa xorta waħda se ssir, bil-ħruġ tal-vara joħroġ fis-19.00.
Il-Pulizija ċċirkondat iż-żoni fl-akwati biex tikontrolla t-traffiku għaddejjin minn u lejn iż-żona. Fuq il-post hemm suldati tal-armata mill-Bomb Disposal Unit filwaqt li l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili qiegħdin jassistu u huma lesti għal kull eventwalitá. Fuq il-post wasal ukoll il-Ministru Carmelo Abela.
Din mhijiex l-ewwel splużjoni marbuta mal-logħob tan-nar li seħħet din is-sena. Fi 30 ta’ Lulju li għadda meta erba’ persuni weġġgħu wara inċident bil-logħob tan-nar f’Marsaxlokk.