L-aħbar fuq Maltatoday illum li l-kumpanija Egrant kienet u dejjem baqgħet propjetà ta’ kumpanija tal-awdituri, qatt ma għaddiet f’idejn ħadd jew intużat minn xi ħadd, tipprova kemm Simon Busuttil huwa l-aktar politiku giddieb fl-istorja ta’ pajjiżna.
Il-Partit Laburista qal li wara xhur ta’ insinwazzjonijiet, gideb, allegazzjonijiet jirrizulta li dawn kollha infaqgħu f’wiċċ Busuttil. Huwa ċar kristall li l-politika ta’ gideb qed jużaha mal-poplu Malti u Għawdxi li ma jafdahx, għaliex jinsab iddisprat bis-suċċess li qed jikseb il-pajjiż.
L-istqarrija tal-Partit Laburista tgħid li Busuttil għandu jifhem li l-familji u n-negozji jafu li s-suċċess ekonomiku, l-avvanżi soċjali kbar, is-serħan tal-moħħ mill-impjieg ma jiġux permezz tal-politika tal-firda, imma jiġu bix-xogħol u l-kompetenza ta’ Prim Ministru u tim ta’ Ministri li jaħdmu lejl u nhar biex ikollna pajjiż aħjar milli sibnih meta Busuttil kien fil-Gvern.
“Busuttil huwa l-aktar politiku giddieb fl-istorja ta’ Malta. Il-poplu ma jridx u mhuwiex se jreġġa’ lura l-arloġġ għal żmien Busuttil u l-Gvern tal-PN” – Partit Laburista