Huwa ċar daqs il-kristall li l-Kap tal-Oppożizzjoni mhux biss lanqas jaf x’inhu jgħid, iżda qed jikkonferma ma’ kull jum li jgħaddi li jgħix f’kontradizzjoni.
Fi stqarrija l-Partit Laburista nnota li fl-istess ħin li qal li ma jridx ikeċċi lill-ħaddiema tal-Gvern, Simon Busuttil qal li l-workforce hija kbira u jrid li jkeċċi l-ħaddiema b’mod gradwali. Jekk xi ħadd irid jipprova jifhem lill-Kap tal-Oppożizzjoni huwa qed jgħid li jrid inaqqas il-ħaddiema tal-Gvern mingħajr ma jnaqqashom. Dan huwa kejl ġdid li vvinta hu.
Il-verità hija li Simon Busuttil huwa theddida għall-ħaddiema, għax qed jgħid mingħajr tlaqliq ta’ xejn li kemm il-darba huwa jkun Prim Ministru se jkun qiegħed ikeċċi l-ħaddiema tal-Gvern.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jgħid mingħajr aktar dewmien jekk hux se jnaqqas dawn il-ħaddiema mis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni fost l-oħrajn, setturi li dan il-Gvern żied b’900 u 800 ħaddiem rispettivament.
Li hu zgur, qal il-Partit Laburista, huwa li filwaqt li Busuttil jibqa’ theddida għall-ħaddiema kollha, Joseph Muscat se jibqa’ jaħdem biex l-impjiegi tal-ħaddiema jkunu ssalvagwardjati, iżda aktar minn hekk li jkompli jinħoloq xogħol ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha.