Il-Partit Nazzjonalista reġa’ attakka d-dritt tal-appell fil-Qrati Maltin. F’konferenza tal-aħbarijiet, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista ma huwa sorpriż xejn li Joseph Muscat se jerġa’ jappella. Skont Simon Busuttil, l-appell se jsir biex Muscat iċaħħad lill-votanti minn żewġ rappreżentanti oħra fil-Parlament.
“Dan jikkonferma kemm bih fil-Gvern, anki dak li hu l-aktar bażiku f’demokrazija huwa mhedded. L-appell li se jagħmel Joseph Muscat se jirrabja aktar lin-nies,” qal Simon Busuttil.
https://www.youtube.com/watch?v=fH3moUu_rgs&feature=youtu.be
Donnu l-Prim Ministru kien profeta. Hekk tkellem l-Erbgħa filgħaxija fil-Parlament.
https://www.youtube.com/watch?v=gBd5Pm01JHY&feature=youtu.be
IL-PARTIT LABURISTA SE JAPPELLA WKOLL
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li s-sentenza mogħtija llum mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili dwar ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tal-2013 għandha implikazzjonijiet kostituzzjonali serji.
Il-Partit Laburista qal li għandu kull rispett lejn il-Qorti li tat is-sentenza. “Madanakollu ma jaqbilx b’mod fundamentali mad-deċiżjoni meħuda u se jkun qed jappella minnha, lil hinn mill-appell li ħabbar diġa l-Gvern.”
Intqal li l-Kap Nazzjonalista għandu jistenna l-eżitu tal-appell qabel jibda jimla l-imħuħ li s-siġġijiet tal-Parlament se jinbidlu fin-numru tagħhom. “L-aħħar elezzjoni ġenerali saret taħt sorveljanza tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern u għalhekk huwa redikolu li xi ħadd jgħid li l-Partit Laburista kien responsabbli mit-tfassil ta’ xi riżultat żbaljat.”
Fl-appell tiegħu, l-Partit Laburista huwa determinat li r-rieda tal-ikbar maġġoranza storika tkun rispettata u riflessa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.