F’Marsaxlokk kien hemm inċident bil-logħob tan-nar. Dettalji hekk kif jidħlulna bl-iktar riċenti fin-naħa ta’ fuq.
00.45: M’hemm ħadd fil-periklu tal-mewt u l-festa se tkompli kif maħsub.
23.07: Aħna mgħarrfa li fost dawk li weġġgħu hemm ukoll membri tal-kamra tan-nar tal-Karmnu taż-Żurrieq.
22.50: Jikkummentaw l-Ministru għas-Saħħa, il-Ministru tal-Intern u l-President.
22.42: Huma erba’ l-persuni li ttieħdu għall-kura l-isptar u s-sitwazzjoni fuq il-post qiegħda tibda tiġi taħt kontroll. Minn naħa l-oħra jidher li l-banda se tkompli bil-programm kif maħsub għal-lejla.
22.32: Intant, fuq facebook jispikka kumment partiġjan ta’ Jason Azzopardi. Agħfas hawn għad-dettalji. Fuq il-post hemm il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela li niżel isegwi l-ħidma tal-membri tad-dipartiment tal-protezzzjoni ċivili u l-pulizija fost oħrajn.
22.25: Issa waqaf id-daqq tal-banda li qiegħda tistenna struzzjonijiet mingħand uffiċjali tal-festa dwar x’għandu jsir.
22.17: Filwaqt li fuq ix-Xatt għadha għaddejja l-banda fl-isfond jidhru s-sireni u l-attivita li għaddejja.
22.08 Fuq Malta Diżastru Totali (ritratt: Kimberly Mifsud)jitilgħu l-ewwel ritratti ta’ dik li tidher li hi l-mument tal-isplużjoni.
22.02: M’huma jieqfu xejn il-kummenti minn fost dawk li kienu fl-akwata. “Qiegħda Marsaxlokk, anke twieqi ta’ bini max-xatt inkiser,” qaltilna persuna oħra.
21.56: Għalkemm xejn uffiċjali qiegħed jingħad li sploda container li fih kien hemm maħżun in-nar. Intant, spikka kumment ieħor ta qarrejja minn tagħna. “Wied il-Għajn instabat il-bieb tal-gallarija,” qaltilna. Mid-dehra l-istess Birżebbuġa u saħansitra Santa Luċija.
21.50: “Proprja terremot ħassejtu,” qalet magħna Xlukkajra meta tkellmet dwar il-ħin tal-isplużjoni. Fissret kif kollox kien lest biex toħroġ għal lejliet il-festa b’mod normali meta nstemgħet splużjoni li heżżet id-dar. “Indunajna li dan ma kienx xi murtal tas-soltu imma xi ħafna murtali f’daqqa jew xi kamra tan-nar f’xi raħal ieħor. Issa jidher li tagħna,” qalet din il-mara mnikkta.
Iktar qabel: Minn tal-inqas hemm żewġ persuni feruti wara inċident b’xi nar f’Marsaxlokk fejn qed tkun iċċelebrata l-festa tal-Madonna ta’ Pompei. Tagħrif li għandu one.com.mt jgħid li hemm ċertu paniku qrib id-daħla tal-power station u ambulanzi u vetturi tan-nar jinsabu fi triq lejn il-post. L-ewwel informazzjoni li għandna hi li nar maħżun biex jinħaraq seta’ ħa f’daqqa. Iktar tagħrif fil-ħin li ġej.