It-Tnejn 2 t’Ottubru tibda skeda ġdida għall-istazzjonijiet ONE, iżda mill-bulettin ta’ ONE NEWS tas-7:30pm tal-lum il-Ħadd l-1 t’Ottubru, ONE se jkun qiegħed jntroduċi dehra ġdida.
”B’immaġini ġdida llejla, nagħtu bidu għal skeda oħra ta’ produzzjonijiet fuq ONE u ONE Radio 92.7fm. Riżultat ta’ impenn qawwi u dedikazzjoni mill-ħaddiema kollha tagħna.”
RUTH MICALLEF – CHAIRPERSON TA’ ONEREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Ruth Micallef, kompliet bl-apprezzament tagħha lejn il-ħaddiema ta’ ONE li jagħtu ħafna aktar milli mistenni minnhom. Hija awgurat lill-produtturi, preżentaturi u xandara għall-programmi tagħhom filwaqt li rringrazzjathom tal-lealta’. Is-Sinjura Micallef irringrazzjat lill-kumpaniji u stibbilimenti kummerċjali li taw il-fiduċja tagħhom lill-istazzjonijiet ONE permezz tar-reklamar u wegħdet li dawn l-istazzjonijiet se jkomplu jwasslu produzzjonijiet ta’ livell lit-telespettaturi u semmiegħa. Hija appellat lis-segwaċi biex jibqgħu jikkomunikaw mal-istazzjonijiet ONE.
Intant, l-iskeda uffiċjali tibda t-Tnejn 2 t’Ottubru fis-6:30am bl-ewwel programm tal-ġurnata ONE BREAKFAST li minn din is-sena qed jara r-ritorn ta’ Dorian Cassar fuq ONE. Fl-10am, l-istazzjonijiet ONE, kemm radju u televiżjoni, minn din l-iskeda jibdew jingħaqdu flimkien permezz ta’ THE MORNING MIX. Mal-ġurnata jibdew programmi bħal KALAMITA li issa se jibda jixxandar f’12pm u INDIGO, fl-3:40pm. PJAZZA jkompli fis-6:30pm u programm ġdid ta’ kuljum wara l-bulettin ta’ ONE News, fit-8:10pm MANICOLO &CO.
Ħinijiet ġodda għal ONE NEWS
L-ewwel aġġornament ta’ ONE NEWS fuq it-televiżjoni se jibda jixxandar fil-11:30am (flok fin-12:30pm). Aġġornament ieħor fit-3:30pm, u għall-ewwel darba, punti ewlenin tal-aħbarijiet fil-5:30pm u fl-10:30pm. Il-bulettin prinċipali jibqa’ fis-7:30pm u l-aħħar bulettin tal-ġurnata jibqa’ fil-11:30pm
Filgħaxija fuq ONE
Kull nhar ta’ Tnejn se jissokta t-tieni staġun ta’ MALTA’S ULTIMATE TATTOO CHALLENGE, it-Tlieta jirritorna AWLA, l-Erbgħa d-drama l-ġdida IL-KLINIKA, il-Ħamis programm ġdid ta’ divertiment u logħob ma’ Danusan, GRAN BAZAAR, il-Ġimgħa rritorn ta’ Lara Azzopardi fuq ONE, bi programm ġdid IT-TALKS, is-Sibt ARANI ISSA u l-Ħadd filgħaxija, L-ARGUMENT li minn din l-iskeda se jkun qed jixxandar f’ħin ġdid u b’aktar prominenza.
”Ħdima fuq skeda li toffri xi ħaġa għal kulħadd. Kburi u kuntent li qed naraw ir-ritorn ta’ personalitajiet popolari lura fuq ONE. Għandna taħlita ta’ programmi li s-segwaċi tagħna jkunu qed jistennew u programm ġodda li konvint li se jmorru tajjeb mas-segwaċi. Ma ddejjaqnix nesperimentaw u naġġornaw l-iskedi tagħna biex nilħqu l-udjenzi lejali tagħna u udjenzi ġodda.”
WAYNE AQUILINA – KAP TAL-PRODUZZJONIJIET TA’ ONE
ONE RADIO 92.7fm bi skeda impenjattiva
Ir-radju jibqa’ ta’ kumpanija għal bosta, u għalhekk ONE RADIO qed joffri skeda immpenjattiva b’75 programm differenti u xandir dirett lejl u nhar, b’ħoss ġdid, b’jingles ġodda li jindirizzaw l-udjenza ta’ dan l-istazzjon.
”Is-suċċess ta’ ONE Radio huma l-preżentaturi tagħna li jippreparaw għal kul programm daqs li kieku se jkun l-ewwel programm tagħhom. Għal din l-iskeda eċitat li se nippreżentaw waħda mill-aqwa skedi li qatt kellna mindu bdejna nxandru. Konxi mill-bidla fl-istil tal-ħajja tan-nies, se noffru lis-semmiegħa kwalita’ ta’ xandir b’enfasi akbar lejn il-mużika u bilanċ organizzat bejn Aħbarijiet, ġrajjiet kurrenti, informazzjoni u divertiment.”
CLINT BAJADA – KAP TA’ ONE RADIO 92.7fm
Mit-Tnejn 2 t’Ottubru l-breakfast show ma’ Noel Camilleri se jibqa’ għaddej sad-9am. Wara nofsinhar, mis-2pm sas-5:45pm ONE RADIO se jiffokka aktar fuq il-mużika, permezz tal-afternoon show ma’ Louis Vella u Joe Tanti u d-drivetime ma’ John Bundy u Dorian Cassar. Il-programmi politiċi jibqgħu fin-12:30pm, iżda ta’ tard wara nofsinhar se jibdew jixxandru fis-6pm. L-iskeda ta’ ONE RADIO tinkludi 4 bulettini tal-aħbarijiet u żewġ aġġornamenti kuljum u taħlita ta’ programmi mużikali, politiċi, informattivi, ta’ diskussjoni u sportivi li s-semmiegħa draw bħala parti minn ħajjithom u programmi u ilħna ġodda li jkomplu jkabbru l-popolarita’ ta’ dan l-istazzjon