Proġett tal-Unjoni Ewropea mmexxi mill- Università ta’ Malta u li jiswa 2.5 miljun Euro jaf iwassal biex Malta tiffranka bejn 24 u 30 fil-mija mill-ilma li tuża. Dan hu l-ammont li jintuża biex jifflaxxjaw it-toilets. Il-proġett bl-isem Micro WatTS jiffoka fuq ir-riċiklar tal-ilma imsejjaħ greywater.
Dan huwa l-ilma pjuttost nadif li joħroġ meta tieħu banju jew shower, ilma mis-sinkijiet, mill-magni tal-ħasil u apparat ieħor fil-kċina u jerġa’ jintuża biex wieħed jifflaxxja. Għall-ilma grey jintuża materjal b’kisja speċjali biex permezz tal-enerġija tax-xemx tinqatel il-baktirja li jkun hemm fl-ilma.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, Dr Aaron Farrugia, indirizza l-konferenza ta’ tnedija tal-proġett MicroWatts. Huwa qal li s’issa ġew magħżula 15-il proġett sabiex jingħataw il-fondi taħt Italia-Malta Programme 2014-2020. Il-fondi li jammontaw għal €9 miljun ser jingħataw lil 32 benefiċjarji Maltin. Il-proġetti kollha għandhom l-għan li jsaħħu it-tkabbir sostenibbli fuq livell transkofinali b’mira fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, u li jsostni l-kompettitività tal-SMEs u l-protezzjoni tal-ambjent.
Il-proġett Micro WatTS huwa finanzjat mill-INTERREG V.A. Italia-Malta. Immexxi mill-Università ta’ Malta , il-proġett ġie l-ewwel fost ’il fuq minn tmenin proposta li kkompetew għal dawn il-fondi. Il-proġett kien varat fil-Council Room tal-Università ta’ Malta fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, l-Onor. Dr Aaron Farrugia u r-Rettur tal-Università, il-Prof. Alfred J. Vella. Il-Prof. Maurice Grech qed jidderiġi din ir-riċerka flimkien ma’ Dr Stephen Abela mid-Departiment tal-Metallerġija u Materjali u Dr Paul Refalo mid-Dipartiment tal-Inġinerija Industrijali u tal-Manifattura, Fakulta` tal-Inġinerija.
Il-proġett jgħaqqad flimkien grupp ta’ akkademiċi u l-industrija biex itaffu problemi tan-nuqqas ta’ ilma kemm f’Malta kif ukoll fi Sqallija. Filwaqt li l-Università ta’ Malta u il-Consiglio Nazionale delle Ricerche ġo Katanja jgħamlu riċerka dwar liema hu l-aħjar materjal li jassorbi u jirreaġixxi għall-enerġija tax-xemx biex joqtol il-baktirja presenti, il-Malta College of Arts, Science and Technology u l-Università ta’ Katanja għandhom laboratorji kemm bioloġiċi kif ukoll kimiċi biex jittestjaw il-kwalità tal-ilma. Is-sieħba mill-industrija f’dan il-proġett, Econetique u Plastica Alfa, jispeċjalizzaw f’forom ġodda ta’ enerġija li ma tħammiġx kif ukoll fi prodotti li jintużaw fl-immaniġġjar tal-ilma.
Fl-ewwel fażi tal-proġett jiġu identifikati l-aħjar materjali u coatings biex isir trattament tal-ilma. Sadattant ikunu għaddejjin it-testijiet fuq l-ilma. Min-naħa tagħhom, Econetique and Plastica Alfa, flimkien ma’ msieħba oħra fis-settur ser jiddisinjaw u jibnu żewġ sistemi li jittrattaw l-ilma permezz tal-enerġija solari, waħda tajba għall-użu ġod-dar u l-oħra għall-użu f’intrapriża żgħira.
Ir-Rettur tal-Università, il-Prof. Alfred J. Vella, enfasizza l-importanza ta’ dawn il-fondi għar-riċerkaturi u l-istudenti tal- Università. Skont il-Prof. Grech dan it-tip ta’ ftehim bejn żewġ pajjiżi dwar riċerka ta’ dan il-livell tista’ twassal għal żvilupp ta’ prodotti innovattivi li jużaw forom ta’ enerġija li nsibu madwarna fin-natura.
“L-effett fit-tul ta’ dan kollu huwa li jitnaqqas it-tniġġiż tal-arja u nagħmlu użu aħjar tal-ilma filwaqt li nieħdu l-aħjar li nistgħu mir-risorsi naturali,” il-Prof. Grech qal.