Il-Federeazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li “milli jidher, il-BirdLife Malta, forsi anki flimkien mas-soċji tagħhom mill-Ġermanja, il-CABS (Committee Against Birds’ Murder), qegħdin jirrikorru għall-metodi illegali u korrotti.”
Fi kliem l-FKNK dan f’attentat iddisprati biex jabbolixxu t-tradizzjoni tal-insib tal-għasafar tal-għana mill-gżejjer Maltin.
“Probabilment, dawn il ‘bird lovers‘ jemmnu, li b’hekk jistgħu jinfluwenzaw Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li fil-preżent qed tisma l-Kawża li l-Kummissjoni Ewropea għamlet kontra Malta propju fir-rigward l-insib tal-għasafar tal-għana,” qalet l-FKNK fi stqarrija.
Skont dak li rrakkontaw membri tal-FKNK huwa maħsub, li dawn il ‘bird lovers‘ kienu qed jużaw xi mezz elettroniku, permez biex jisimgħu konversazzjonijiet privati li jsiru fuq mobajls personali, minn nies, li jinzertaw fil-viċinanzi ta fejn kien installat apparat elettroniku. “Possibilment, kienu qed jużaw stazzjon bħala bażi, GSM, magħruf bħala ‘IMSI catcher‘ jew x’ħaġa simili biex jinterċettaw it-telefonati li jistgħu jkunu qed isiru bejn in-nassaba tal-post,” qalet l-FKNK.
“Nassaba membri tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), infurmaw lill-FKNK, li minn tal-inqas dawn l-aħħar ġimgħatejn, Fiona Burrows, minn Nottingham, attivista tal-BirdLife Malta u l-CABS, flimkien ma’ tlett irġiel mill-istess organizazzjonijiet, kienu ġew regolarment osservati, inemmsu u jispjunaw lin-nassaba permez ta’ trombi, kameras u apparat simili, waqt li l-istess nassaba kienu għall-affari tagħhom qedin jonsbu b’mod legali,” qalet il-federazzjoni.
Kien spjegat li l-imnasab ta’ dawn in-nassaba jinsabu fil-viċinanza ta’ Torri Ciantar fil-Park tal-Majjistral, u nhar il-Ħadd filgħodu, meta tnejn minn nassaba marru biex jonsbu, skoprew ħsara volontarja fl-imnasab tagħhom.
“Huma ssuspettaw li l-ħsara kienet saret mill-‘ispjuni’. Dawn id-dubji saru aktar konvinċenti l-Erbgħa wieħed minn nassaba kien infurmat, li fin-nuqqas tiegħu, l-istess erba’ persuni kienu qedin fil-mansab tiegħu. Hu stess ikkonferma dan il-fatt, meta mar personali fuq il-post biex jinvestiga,” kompla jingħad.
Intqal li meta lemħu n-nassab javviċinhom, l-erba’ “spjuni” ħarbu minn fuq il-post b’karozza mikrija bin-nassab isegwiehom bil-vann tiegħu. Waqt li kien qed isegwiehom, in-nassab, fuq il-mobajl tiegħu, sama’ konversazzjoni li l-erba’ ‘spjuni’ kellhom ma x’ħadd permez ta’ xi apparat bħal radju, fejn, bejn wieħed u ieħor, bdew jgħidu ‘Inqbadna, inqbadna, u qed jiġru warajna b’van aħmar’ (We’ve been caught, we’ve been caught, and we are being chased by a red van).
In-nassab issuspetta li kien sema’ dik il-konversazzjoni, b’riżultat ta xi tip ta’ ‘antenna/repeater’ li kien innota li ġie riċentament nstallat fuq it-Torri, probabbilment mill-organiżazzjonijiet tal-erba’ “spjuni”.
Għalhekk, żiedet tgħid l-FKNK in-nassaba huma għaldaqstant imdejqa li tal-Birdlife u l-CABS setgħu anki jisimu kwalunkwe konversazzjoni privata tagħhom. “Għall ħabta tas-sitta tal-bieraħ filgħaxija, x’ħadd mar neħħa l-‘antenna/repeater’. Min kien, mar fuq il-post bl-istess karozza tal-kiri msemijja qabel,” qalet l-FKNK li rrimarkat li n-nassaba għamlu rapport uffiċjali rigward din il-ġrajja kollha fl-għassa tal-Pulizija tal-Mellieha.
L-FKNK qalet li tqis dan ir-rapport inkwetanti ħafna, speċjalment l-użu llegali ta’ apparat biex jinstemgħu konversazzjonijiet privati li jsiru minn mobajls. “Fl-opinjoni tal-FKNK, dan l-abbuż huwa aktar skandaluż meta jintuża minn barranin li jkunu qed joperaw f’Malta. Il-FKNK, għalhekk tispera, u tistenna, li dan l-inċident jiġi nvestigat u jittieħdu l-passi legali neċessarji minnufih, bl-istess intensita’ u serjeta’ kif normalment inkun investigat kwalunkwe allegat illegalita’ ta’ kaċċa w insib,” temmet tgħid il-federazzjoni.