Anke f’Ottubru Malta żammet waħda mill-iktar rati ta’ qgħad baxxi fl-Unjoni Ewropea. Riżultat konsistenti ta’ pajjiż li qed jikseb l-aħjar riżultati fl-istorja fil-qasam tal-impjiegi.
B’rata’ 4.9% ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna baqgħet kważi n-nofs ta’ dik fiż-Żona Ewro, fejn il-qgħad ilaħħaq id-9.8%. Ferm ogħla minn Malta wkoll jekk wieħed iħares lejn il-medja fil-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea li għandhom rata ta’ 8.3%.
Il-Greċja, Spanja u l-Kroazja baqgħu l-pajjiżi bl-ikbar qgħad fl-Unjoni Ewropea. Filwaqt li l-inqas li kellhom qgħad kienu r-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u r-Renju Unit. Jekk wieħed iħares lejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ hawn ukoll Malta tikseb riżultati tajba ferm meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
F’Malta r-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ hija ta’ 11.4%. Dan meta l-medja fiż-Żona Ewro hi ta’ 20.7% u fl-Unjoni Ewropea 18.4%.