Waħda minn dawn in-nisa wieġbet numru ta’ domandi dwar l-esperjenza tagħha, meta hi ħadet din il-pillola.
Għamilt is-sess mingħajr ma kont protetta. Ma ddiskutejniex ċertu affarijiet bażiċi qabel. Hu ħaseb li jien kont qed nieħu l-pillola ta’ kontraċezzjoni, imma ma kienx il-każ. Ladarba t-tnejn li aħna ndunajna x’kien ġara, kien tard wisq. Iddeċidejt li nieħu l-morning after pill għax ma ridtx ninqabad tqila u nkun f’sitwazzjoni fejn nikkontempla l-abort. Naf li d-deċiżjoni biex tagħmel abort hija waħda diffiċli mmens. Hija deċiżjoni trawmatika u li tweġġa’. Ma ridtx niġi f’sitwazzjoni fejn irrid nagħmel din it-tip t’għażla.
Fejn kont meta ħadtha? Kienet disponibbli faċilment? Kienet imbarazzanti tixtriha jew meqjusa pillola normali?
Fortunatament, jum wara kont se naqbad ajruplan biex insiefer. Fi triqti lejn fejn kont se noqod barra minn Malta, waqaft għand spiżjar. Naħseb kieku ridt, anke mill-ispiżerija tal-ajruport kont insibha. Staqsejt għaliha lill-ispiżjar u taħieli. Bdejt nistħi, u ħarist l-isfel waqt li bdejt nitlobha, imma l-ispiżjar tratta kollox donnu ried jgħid “ejja ħi, ħa mmorru!” – is-sens ta’ mistħija kien kollu f’moħħi.
X’ħassejt – fiżikament u emozzjonalment?
Qisu kelli l-period għal żmien itwal. Malli ħadtha, kelli s-sintomi tal-period, bħal nefħa u bugħawwieġ. Iżda l-agħar sintomu kienet id-dipressjoni. Ħassejtni emozzjonata ħafna aktar mis-soltu u bdejt nibki mal-inqas ħaġa. Din is-sensazzjoni damet ftit iktar minn xahar. Iżda minkejja dawn is-sintomi, ħassejt ħafna sapport minn ta’ madwari.
Xi twieġeb għal dawk li jikkundannaw it-teħid tal-pillola għax min ħadha messu uża kontraċettivi?
Ngħidilhom li qed jirrabbjaw għalxejn għaliex jien, filfatt, użajt kontraċezzjoni meta ħadt il-morning after pill. Kienet biss metodu ta’ kontraċezzjoni b’emerġenza.
Qisek qed issuq, u fil-każ tiegħi, id-dawl tat-traffic lights inbidlu fl-aħħar sekonda. Minflok għaddejt meta d-dawl kien aħmar u ħadt riskju, ħadt id-deċiżjoni li nieħu brejk f’salt.
Kieku ma’ tlaqtx minn Malta l-għada filgħodu, kont sempliċement nieħu doża ikbar tal-pillola ta’ kontraċezzjoni normali. Fil-ħajja diġitali moderna tal-llum, hemm l-informazzjoni kollha disponibbli biex tamministra metodu ta’ emerġenza int stess. Dan ma jfissirx li huwa metodu sigur – imma huwa possibli.
Xi twieġeb għal min jgħid li l-pillola tħeġġeġ is-sess bla rażan?
Li tipprovdi kontraċezzjoni ta’ emerġenza lill-adoloxxenti mhux assoċjat ma’ aktar sess mingħajr protezzjoni, jew inqas użu ta’ kondoms, jew inqas użu tal-pillola kontraċettiva. Ngħidilhom li l-kummenti tagħhom huma bbażati fuq ideat diżżilużi. Studji xjentifiċi, approvati mill-ogħla stituzzjonijiet mediċi u soċjali fid-dinja, wrew li m’hemm ebda rabta bejn id-disponibilità tal-morning after pill u s-‘sess bla rażan’*.
Ikkonsultajt mal-partner/ma’ min kellek relazzjoni sesswali li kont se teħohda jew li ħadtha?
Iva, u qabel miegħi.
F’xi ħin il-kunċett ta’ abort li qed jiżżeffen fin-nofs fid-diskussjoni, għadda minn moħħok?
Iva, imma biss għax kont kuntenta li qed nieħu l-morning after pill bħala kontraċezzjoni ta’ emerġenza, sabiex ma jkollix għalfejn nikkontempla għandix nagħmel abort kieku nqbadt tqila. Il-morning after pill x’hix xi forma ta’ kura imma hija miżura preventiva. Mhux biss waqqfitni milli jkolli tqala, imma potenzjalment waqqfitni milli nagħmel abort.
Ġieli kellek ħsibijiet ta’ rimors?
Lanqas xejn. M’għamilt xejn biex inħoss rimors, għax m’għamiltx ħsara lil ħadd.
Anzi, iħossni bil-kontra, kburija li ħadt kontroll sħiħ ta’ ħajti, minflok ħallejt kollox f’idejn ix-xorti.
Kburija li ma ħallejtx lili nnifsi nidħol f’sitwazzjoni fejn ikolli bżonn intemm tqala.
***
Permezz tal-protest, dawk li ffirmaw qed titlob li l-kontraċezzjoni ta’ emerġenza tiġi liċenzjata, importata u anke mqassma Malta. Qed jisħqu li l-liberta’ ta’ riproduzzjoni tan-nisa għandha titqis bħala dritt fundamentali u kull mara u koppja għandu jkollhom id-dritt jagħżlu huma meta jkollom it-tfal.
*Hawn ikkowtat dan l-istudju: http://www.jpagonline.org/article/S1083-3188(03)00242-0/abstract