Il-Gvern dejjem kien konsistenti li ser iqabbel fejn jaqbillu fejn tidħol sħubija strateġika tal-Airmalta. Kien f’dan l-ispirtu li daħal f’MOU mal-Alitalia fis-sena 2015. Dan kien pass kuraġġjuż li l-ebda amministrazzjoni qablu ma kellha l-ħeġġa li tagħmel għalkemm illum hawn kunsens wiesgħa li hekk għandu jsir sabiex l-Airmalta jkollha direzzjoni strateġika wara l-pjan ta’ ristrutturar.
Għalhekk f’dan il-każ, il-Gvern ħass li għalkemm għamel minn kollox għal xhur twal, ma setax jasal għal sħubija li taqbel għall-Airmalta, għas-settur turistiku Malti u għal ekonomija b’mod ġenerali.
Huwa mifhum li bi ftehim bejn il-partijiet involuti, waqfu dawn in-negozjati mal-Alitalia.
Madanakollu, il-Gvern mhux ser jaqta’ qalbu u ser jibqa għaddej bil-pjan tiegħu li jġib lil Airmalta kummerċjalment vijabbli u bit-tibdil intern li dan jinħtieġ, wara li irnexxielu jnaqqas it-telf tal-istess linja tal-ajru b’mod konsiderevoli, jilħaq il-maġġoranza tal-objettivi tal-pjan ta’ ristrutturar u jieħu deċiżjonijiet kummerċjalment importanti u bżonnjużi ħafna li kienet ilha ssir prokrastinazzjoni dwarhom għal snin twal.
Intant il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Alitalia kkonfermaw fi stqarrija uffiċjali li l-Air Malta u l-Alitalia qablu b’mod konġunt li se jkunu qed jitterminaw it-taħditiet li kienu se jwasslu lil Alitalia biex issir azzjonist ta’ 49% tal-Air Malta.
L-Air Malta u l-Alitalia se tkompli tikkollabora mill-qrib kummerċjalment permezz ta’ code sharing programme estensiv li diġà jinsab fis-seħħ.