Bħalissa fl-Awtorità tal-Ippjanar qed issir laqgħa dwar ir-revoka ta’ għadd ta’ permessi maħruġa lill-fish farms. Dan wara li l-awtorità ħarġet avviż ta’ infurzar ta’ emerġenza fil-konfront ta’ erba’ operaturi ta’ fish farms li qed joperaw mhux skont il-liġi.
L-avukat li jirrapreżenta lill-operaturi tal-Fish Farms, Ian Refalo, spjega li n-numru ta’ ħut li se jitneħħa minn gaġeġ se jiġi rilokat f’żoni oħra ta’ akwakultura. L-operaturi tal-fish farms stqarru li jixtiequ li jiġu emendati l-permessi biex ikunu jistgħu jirrilokaw l-gaġeġ kollha, barra li wrew it-tħassib għax ir-rilokazzjoni tista’ tieħu numru ta’ xhur. Dan għaliex f’Malta nsibu biss inġenju wieħed li jista’ jagħmel dan ix-xogħol.
Ian Refalo spjega li d-diskussjonijiet biex jiġu indikati s-siti illegali diġa bdew, u li l-għan huwa li din ir-rilokazzjoni ssir qabel l-istaġun li ġej. L-avukat fisser kif l-operaturi se jkunu qed jgħaġġlu l-proċess biex ikunu jistgħu ilestu l-programm ta’ rilokazzjoni sal-bidu ta’ Novembru. Dawn il-gaġeġ se jitneħħew meta jiġi indikat il-post fejn se jitpoġġew il-ġodda.
Il-Professur Victor Asciak spjega li r-rilokazjoni tat-tonn m’għandhiex issir bħalissa minħabba raġunijiet ekoloġiċi. Huwa stqarr li l-effett ambjentali tat-tonn huwa sinifikanti, u li minkejja li nsolvu l-problema preżenti ta’ tniġġiż, il-problema xorta waħda mhux se tkun issolviet kollha.
Dwar dan, wieħed mill-operaturi qal li r-regolatur għandu jżomm ir-responsabbilità, u li jekk jiġi rrevokat il-permess il-baġit Malti se jkun ikkundannat mill-Unjoni Ewropea għaliex hemm fondi li diġa huma allokati.