Il-familjari ta’ Mike Mansholt ikkonfermaw li l-katavru misjub fl- 10.00a.m f’Ħad Dingli huwa taż-żgħażugħ li kien ilu rrapurtat nieqes mit-18 ta’ Lulju.
Aktar Kmieni:
Sejba ta’ katavru f’Ħad Dingli fl-10.00am minn membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fissret aħbar ħażina għall-familja taż-żagħżugħ Ġermaniż li ilu jkun imfittex għal dawn l-aħħar jumejn. Il-katavru nstab maqbud fl-irdum fi stat ta’ dikompożizzjoni fejn il-kappella tal-Madalena.
Il-pulizija u l-Protezzjoni Ċivili jinsabu fuq il-post, jistennew il-Maġistrat tal-Għassa biex ittelgħu l-katavru. Imkejjen qalu li l-katavru huwa ta’ Mike Mansholt, minkejja li għadu ma ġiex identifikat. Dan għaliex ftit metri ‘l bogħod mill-katavru nstabet ir-rota li kien irrapurtat li kien qed juża’. Din kienet identifikata minn missier u ħu Mike li marru fuq il-post immedjatament.
Il-qraba ta’ Mike Mansholt dehru ixxukjati bis-sejba, madanakollu baqgħu komposti jikkolaboraw mal-pulizija.
Kienu propju klieb imħarrġa tal-Protezzjoni Ċivili li sabu beritta li wasslet għal tfittxija intensiva f’żona speċifika. Il-katavru ma setgħax jinstab mis-satelliti, minħabba interferenzi mir-rig taż-żejt fil-viċinanzi. Il-ġisem fi stat ta’ dekompożizzjoni nstab taħt l-irdumijiet wara li waqa’ madwar 10 sulari, filwaqt li r-rota nstabet 4 metri ‘l fuq. Il-katavru se jittella mill-passaġġ qrib fejn waqa’.
Iż-żagħżugħ kien meqjus bħala avventuruż u li jħobb idur bir-rota tiegħu fil-kampanja. Huwa għalhekk li kien imfittex f’dawn l-akwati u f’żoni oħra popolari ma’ min iħobb idur bil-mountain bike bħal Selmun. Dan fl-istess ħin li kienu kontinwi l-appelli tal-qraba tiegħu biex kull min għandu xi tagħrif jaqsmu mal-Pulizija.
Sa dalgħodu l-familja għamlet konferenza tal-aħbarijiet fejn tat dettalji dwar x’kien liebes iż-żagħżugħ, it-tip ta’ persuna li kien u dettalji oħra, f’attentat iddisprat f’mument diffiċli.
Aktar kmieni: X’nafu s’issa dwar il-ġuvni Ġermaniż Mike Mansholt