BirdLife Malta qalet li tinsab diżgustata u diżappuntata bil-qtil ta’ Ċikonji Suwed ilbieraħ. Tappella lill-Prim Ministru biex jissospendi l-istaġun fl-eqqel tal-passa biex ikun imħares it-tajr protett
Ilbieraħ, qalet il-Birdlife, kienet ġurnata kerha għall-ħidma li qed issir f’Malta favur il- konservazzjoni tal-għasafar hekk kif inqatlu żewġ Ċikonji Suwed. Uffiċjali ta’ BirdLife Malta raw b’għajnejhom waħda miċ-Ċikonji (Black Stork) tittajjar midruba fuq il-Buskett b’dik li deher li kienet ferita bid-demm fuq sidirha. Eventwalment it-tajra mietet u kienet fil-kustodja tal-pulizija (ara r-ritratti mehmużin).
Iċ-Ċikonja Sewda oriġinarjament kienet waħda minn żewġ għasafar li sparaw fuqhom f’Għawdex. Waħda nqatlet u nġabret minn kaċċatur li BirdLife Malta għaddiet id-dettalji tiegħu lill-Pulizija. Iċ-ċikonja l-oħra, għalkemm kienet qed issofri minn ġrieħi kkawżati minn tiri ta’ senter fin-naħa taż-żaqq u kellha ċ- ċomb fil-ġewnaħ tax-xellug, kompliet tpassi għal fuq Malta fejn ingħaqdet ma’ tliet Ċikonji Bojod (White Storks) li kienu osservati jittajru fl-inħawi tal-ajruport imma eventwalment mietet u ġiet mgħoddija f’idejn il-Pulizija. Ċikonja Bajda oħra kienet osservata aktar kmieni f’Għawdex, apparentement ukoll b’xi feriti.
Tnejn miċ-Ċikonji Bojod għandhom ċurkett li juri li huma parti mill-iskema tar- ringing tal-Italja u li huma ġejjin minn Udine fil-Grigal tal-Italja. Hu interessanti li din hija t-tieni darba li għasafar minn dan il-proġett Taljan ta’ konservazzjoni passew lejn Malta. Fis-16 ta’ Settembru 2014 qatgħa ta’ għaxar ċikonji mill- istess inħawi niżlet fil-Marsa u waħda minnhom inqatlet bil-konsegwenza li l- Gvern dakinhar għalaq l-istaġun tal-ħarifa.
Wara l-qtil illegali ta’ għasafar protetti fl-aħħar ftit jiem fosthom Kwakk, Qerd in-Naħal, Tajra Safra u Kuċċarda li ġie rrappurtat li nqatlet dalgħodu, Birdlife qalet li dan l-aħħar każ taċ- Ċikonji Suwed huwa xhieda ċara li minkejja l-intenzjonijiet tajbin kollha li jista’ jkollhom il-Gvern u t-taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE) tal- Pulizija, il-kaċċa illegali f’Malta s’issa għadha mhix kontrollata. Filwaqt li wieħed żgur li ma jistax jargumenta li s-sitwazzjoni f’Malta tjiebet, dawn il-każi tal- aħħar jiem jindikaw li l-2016 tista’ tkun waħda mill-agħar fl-aħħar ftit snin.
Fid-dawl ta’ dan kollu, BirdLife Malta qed titlob lill-Gvern biex jissospendi l- istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa sal-15 ta’ Ottubru, biex jiżgura li tkun imħarsa l- passa ta’ tajr protett bħalma huma l-għasafar tal-priża, il-kwakk u possibbilment aktar qtajja’ ta’ ċikonji li jistgħu jgħaddu minn fuq Malta. BirdLife Malta tfakkar lill-Gvern li l-liġijiet u l-multi qegħdin hemm biex jipproteġu lill-għasafar u jekk dawn ifallu, ikun mistenni li jittieħdu miżuri aktar drastiċi bħalma hija s-sospensjoni tal-istaġun. Dan ma jfissirx kastig kollettiv imma metodu kif jiġu mħarsa l-għasafar.
Birdlife ippublikaw kronoloġija ta’ illegalitajiet mill-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa 2016
- 6 ta’ Settembru, Valletta: Gawwija Prima (Yellow-legged Gull) Larus cachinnans titraqqad wara li nġabret bi tliet ċombiet fil-ġewnaħ tal- lemin, f’sieq minnhom u f’għonqha
- 10 ta’ Settembru, Wied ir-Rum, limiti ta’ Ħad-Dingli: mill-inqas tliet Kwakkiet (Night Herons) Nycticorax nycticorax osservati qed jiġu mniżżla b’tiri wara li qatgħa Kwakk sfat fil-mira ta’ kaċċaturi
- 10 ta’ Settembru, Tal-Virtù, Rabat: Żewġ Qerd in-Naħal (Bee-eater) Merops apiaster rappurtati li ntlaqtu fl-inħawi
- 10 ta’ Settembru, il-Manikata: Tajra Safra (Golden Oriole) Oriolus oriolus kellha titraqqad wara li sparaw fuqha
- 12 ta’ Settembru, Għawdex u Malta: żewġ Ċikonji Suwed (Black Stork) Ciconia nigra jinqatlu
- 13 ta’ Settembru, Ħal Far: rapporti li nqatlet Kuċċarda (Honey Buzzard) Pernis apivorus qed jiġu investigati