- L-investigazzjoni titwaqqaf u jinbtu suspetti kbar
Ġurnalist barrani jirrapporta dan il-każ fid-dettall
Investigazzjoni dwar każ b’xamma kbira ta’ ħasil ta’ flus ma kinitx segwita sal-aħħar mill-awtoritajiet Maltin.
Xi ħaġa qed ikun irrapportat li ġrat wara li fil-każ tfaċċa isem Beppe Fenech Adami, dak iż-żmien Assistant Parlamentari fil-Ministeru tal-Intern. L-investigazzjoni tmur lura għal qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Perjodu fejn hawn min jgħid li Fenech Adami kien qisu l-Ministru tal-Pulizija. Dan wara li kien sfiduċjat Carmelo Mifsud Bonnici u Lawrence Gonzi, eks Prim Ministru, ħa lil Fenech Adami miegħu Kastilja.
Fenech Adami kien direttur ta’ kumpanija fiduċjarja li kienet tmexxi l-interessi ta’ Capital One Investment Group. B’Capital One tkun fil-mira ta’ investigazzjoni kbira mill-awtoritajiet fl-Olanda.
Dawn id-dettalji kienu żvelati fil-maltatoday f’rapport speċjali bis-sehem tal-ġurnalist minn midja barranija Mark Hollingsworth, li huwa wkoll awtur ta’ għadd ta’ kotba.
Jingħad li f’dan il-każ il-pulizija Maltija kienet qed taġixxi fuq talba ta’ dik Olandiza u kienet qed tinvestiga t-tranżazzjonijiet ta’ Capital One, li hija marbuta ma’ Olandiż bl-isem ta’ Robet Soogea. Fil-proprjetà ta’ Soogea, li huwa plejer tal-poker magħruf, instabu wkoll id-drogi. Soogea huwa l-benefiċjarju ewlieni ta’ CapitalOne.
Jidher li l-investigaturi fl-Olanda huma frustrati għall-aħħar għall-fatt li f’dan il-każ mhux l-evidenza kollha għaddiet mill-pulizija Maltija għal għandhom.
Beppe Fenech Adami qed jiċħad li jaf xi ħaġa dwar l-investigazzjoni li kienet għaddejja u bħalu qed jagħmel Robert Abdilla Castillo, id-direttur l-ieħor tal-kumpanija fiduċjarja Baltimore Fiduciary.
Kien irrapportat kif il-pulizija Maltija kellha provi f’idha kif il-Bank Of Valletta kien ħareġ credit card tal-klassi deheb għal Robert Soogea u persuni assoċjati miegħu u li Capital One kienet qed tintuża biex jidħlu miljuni ta’ ewro fi flus kontanti f’kontijiet tal-bank Malti.
Jirriżulta li l-pulizija Maltija ntalbet f’Novembru 2012 biex titlob l-iffriżar tal-assi u kien hawn l-ewwe darba li tfaċċa li fil-każ kien hemm dak magħruf bħala ‘PEP’ (Politically exposed person.) Dan ma kien ħadd ħlief Fenech Adami.
L-investigazzjoni tal-maltatoday ssostni f’iktar minn parti waħda kif id-dettalji dwar tranżazzjonijiet bankarji kbar qatt m’għaddew għand l-Olandiżi. Dawn it-tranżazzjonijiet kienu jinkludu mijiet ta’ eluf ta’ ewro li kienu qed jgħaddu kuljum f’kontijiet tal-Bank of Valletta. Dan permezz tal-fiduċjarja li Fenech Adami kien direttur tagħha.
Dan kien biżejjed biex l-ispettur li għamel ir-rapport jgħid li l-każ seta’ jgħaddi għand il-Europol għax kien hemm movimenti kbar ta’ flus marbuta ma’ bniedem suspettat bi traffikar ta’ droga. Bil-kumpanija fiduċjarja sservi biex proprju taħbi l-isem ta’ min attwalment kien qed igawdi.
Moviment ieħor li kien qajjem suspett kien meta l-kumpanija telgħet il-kapital reġistrat tagħha mal-Malta Financial Services Authority minn ħamsin elf ewro għal mitejn miljun ewro.
Pero’ jirriżulta li fit-13 ta’ Jannar, qabel l-elezzjoni ġenerali f’Malta, il-file kellu nota ‘BU 3 months’ li tfisser li kellu jerġa’ jkun analizzat fi tliet xhur. Biex sa dakinhar l-Olandiżi kienu waqgħu l-każ minħabba nuqqas ta’ provi. Eventwalment il-file kien immarkat ‘put away.’ Kien wara li dan il-każ kien magħluq għal kollox li f’Jannar 2014 Beppe Fenech adami rriżenja minn Baltimore u baltimor ma baqgħetx tieħu ħsieb l-affarjiet ta’ Capital One. Bl-investigaturi Olandiżi jsostnu sal-lum li l-każ ma wasluhx sal-aħħar kawża tal-azzjonijiet, jew in-nuqqas tagħhom, mill-awtoritajiet Maltin.