Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn qal li llejla se jpoġġi fuq il-medja tal-kamra tar-rappreżentati kopja tal-kuntratti li ġew iffirmati bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare.
Dawn il-kuntratti juru biċ-ċar dak li ilu jgħid il-Gvern, li l-private public partnership bejn il-Gvern u l-VGH fl-isptarijiet San Luqa, Karen Grech u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex huma ta’ ġid kbir għall-pazjent Malti u Għawdxi, għall-ħaddiema li jaħdmu fl-isptarijiet u għas-settur tas-saħħa fih innifsu.
Id-dokumenti li se jitpoġġew huma s-Service Concession Agreement, il-Health Service Delivery Agreement u l-Labour Supply Agreement.
Dawn il-kuntratti juru kif VGH huwa marbut li jiżviluppa l-isptarijiet ta’ San Luqa, Karen Grech u ta’ Għawdex għal spiża tiegħu waqt illi l-Gvern ser ikompli jħallas għas-servizz għall-pazjenti Maltin u Għawdxin.
Il-kuntratti jikkonfermaw illi waqt li l-infrastruttura, l-apparat mediku u s-servizzi ser ikunu ta’ livell għoli ħafna, is-servizz għall-pazjenti Maltin u Għawdxin ser jibqa’ mingħajr ħlas.
Il-kuntratti jobligaw Iill-VGH jibnu sptar ta’ 450 sodda f’Għawdex bi 350 ikunu reservati għal pazjenti Għawdxin bla ħlas, waqt illi l-mija l-oħra jkunu miftuħa għal turisti mediċi. F’Għawdex ukoll ser tinbena skola medika għal Barts, ċentru tal-anatomija, ċentru tas-saħħa primarja ġdid, kif ukoll hyperbaric unit u child care centre.
L-Isptar Karen Grech ser jiġi żviluppat fi sptar tal-ġerjatrija ta’ 320 sodda għal pazjenti Maltin, waqt illi f’San Luqa ser ikun hemm sptar ta’ rijabilitazzjoni ta’ 120 sodda, ċentru tad-dermatoloġija, skola tan-nurses u ċentru ieħor għat-turiżmu mediku. Il-Labour Supply Agreement imbagħad jerġa’ jikkonferma li l-ħaddiema f’dawn it-tliet sptarijiet se jibqgħu ħaddiema tal-gvern, bil-kundizzjonijiet u benefiċċji li għandhom illum.
Se jkun il-Gvern li jinnegozja ftehim kollettiv ġdid għall-istess ħaddiema meta jkun wasal il-waqt. Il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet hija ta’ 30 sena. Minħabba l-kumplessita tal-proġett u n-numru ta’ obligazzjonijiet differenti li jridu jiġu onorati miż-żewġ partijiet, ġie maqbul li jkun hemm ħames kumitati li jieħdu ħsieb li l-affarijiet jitmexxew skont il-kuntratti u li jinżammu l-istandards kif maqbul.
B’hekk ġew maħluqa: Il-Health Construction Committee, il-Health Managment Committee, il-Project Monitoring Board, il-Maintenance Monitoring Board, kif ukoll il-Quality and Assurance Board. Dawn il-kumitati għandhom rappreżentanza mill-Gvern, VGH, Barts, kif ukoll Partners Healthcare International.
Kif inhi prassi f’kuntratti ta’ dan il-livell, dettalji li huma meqjusa kummerċjalment sensittivi ġew miżmuma.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet il-Minsitru Fearne irrimarka li l-Partit Nazzjonalista qed juri diżonestà meta jgħid li hemm nies jistennew fil-kurituri tal-isptar Mater Dei. Qal i ilu ma jkun hemm pazjenti fuq strecher minn April li għadda, mentri fi żmien amministrazzjoni preċedenti kien hemm 8,000 pazjent li għamel mill-inqas lejl f’kuritur.