L-invoices li kienu qed joħorġu mill-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-arranġament li kien hemm biex negozjant iħallas uffiċjali għolja tal-Partit Nazzjonalista isejjħu lill-kumpanija Sky Gourmet Malta.
Din hi sussidjarja tad-DB Group, ta’ Silvio Debono.
Li jispikka f’dan il-fatt ġdid b’rabta mal-iskandlu Pagi PN hu li din il-kumpanija m’għandiex bżonn reklamar għax teżisti biex esklussivament tipprovdi l-ikel fuq l-ajruplani u ma toffri ebda servizz lill-pubbliku ġenerali.
B’hekk huwa ċar iktar minn qatt qabel li l-eluf li kien jirċievi l-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil kienu donazzjoni, għaliex għalihom ma kien qed jingħata ebda servizz. Fi storja fil-faċċata bit-titlu PN Donations hailed from ‘publicity shy’ catering film, il-Maltatoday irrapportat li l-Partit Nazzjonalista ma’ ċaħadx dawn id-dettalji dwar l-invoices.
Għall-mistoqsijiet tal-Maltatoday il-Partit Nazzjonalista qal li se jkompli jirrispetta l-arranġament kummerċjali ma’ dak li qed isejjaħ klijent u għalhekk ma ta ebda dettalji. Kien iktar kmieni din il-ġimgħa li l-Kummissjoni Elettorali ħabbret li ħatret bord ta’ investigazzjoni dwar skandlu pagi PN.
Skandlu li faqqa ftit tal-ġimgħat ilu wara li Simon Busuttil prova jdawwar il-kanuni fuq il-proġett li se jsir fuq l-art tal-ITS biex jevita li l-attenzjoni tkun fuq l-inkjesta ta’ Capital One fejn jissemma Fenech Adami.
Minn hemm bdew joħorġu fatti ġodda ma’ kull jum li jgħaddi u filwaqt li l-ewwel irriżulta li s-sena li għaddiet il-Partit Nazzjonalista daħħal €77,000 minn tad-db Group, il-KullĦadd żvelat li fl-aħħar ftit snin l-għotjiet telgħu għal nofs miljun ewro.
Aħbar li għaddiet ġimgħa minnha u fl-ebda ħin ma kien hemm ċaħda mill-Partit Nazzjonalista.
L-istess bħalma kienx hemm ċaħda li kien Simon Busuttil innifsu li ħoloq din l-iskema ta’ ħlas ta’ pagi f’laqgħat fid-Dar Ċentrali man-negozjant Silvio Debono.
Fejn fis-Sajf tal-2013 esiġa li jħallaslu s-salarju tas-Segretarju Ġenerali u fis-Sajf ta’ wara tal-Kap Eżekuttiv.
Ħlas li kien qed isir sakemm ftit tal-jiem ilu sejjaħ il-flus li kien qed jirċievi bħala maħmuġin u li kien se jroddhom lura. Għalkemm wara li għaddew ftit jiem qal li ma kien se jrodd lura u xejn u fil-fatt kien se jżommhom.