“Li kieku il-powerstation kienet qed topera bil-gass, ilbieraħ ma kienx ikun hemm qtugħ ta’ dawl.”
Dan qalu ċ-chairman tal-Enemalta Frederick Azzopardi f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn bosta lokalitajiet esperjenzaw qtugħ fil-provvista tad-dawl.
L-inġiniera tal-kumpanija spjegaw li ma kien hemm ebda ħsara fl-inerconnector ta’ bejn Malta u Sqallija u li l-qtugħ fl-elettriku kien ikkawżat minn interruzzjonijiet fil-provvista tad-dawl minn Sqallija.
Fil-mument li Malta esperjenzat qtugħ fil-provvista tad-dawl, kienu qed jintużaw 200 megawatt li kienu qed jiġu ġġenerati mill-interconnector u Delimara 1 f’Marsaxlokk. Il-kumpanija spjegat li l-ħaddiema tagħha ħadu madwar tliet sigħat biex jerġa’ jkollna l-elettriku fi djarna.
Fil-konferenza ġie spjegat li kieku nibgħu niddependu biss fuq l-interconnector, il-Maltin u l-Għawdxin jesperjenzaw aktar qtugħ fil-provvista tal-elettriku u ndumu aktar biex l-elettriku jiġi lura għan-normal hekk kif ikollhom jinxtegħlu magni oħra. Magni li jaħdmu bl-aktar żejt li jniġġeż, il-heavy fuel oil.
Il-kumpanija qalet li hija kommessa li tkompli bil-ħidma tagħha biex ikollna arja aktar nadifa u provvista tad-dawl sigura li ma tiddependix fuq sors wieħed.