Is-Sejf ta’ de Valette jinsab f’Malta għall-ewwel darba mill-1798 bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru fetaħ l-eżebizzjoni ta’ Heritage Malta li fil-qofol tagħha hemm dan is-sejf fil-Mużew tal-Arkeoloġija, fil-Belt Valletta. Fl-indirizza tiegħu l-Prim Ministru spjega li l-Belt Valletta fl-aħħar snin ospitat laqgħat u attivitajiet ta’ importanza internazzjonali.
Il-Prim Ministru qal li l-Belt Valletta, llum il-ġurnata saret ħafna aktar minn dak li kien bassar La Vallette. Huwa spjega li l-wasla tas-sejf kienet ilha mistennija d-deċenji. Kien propju fl-ewwel żjara tiegħu bħala Prim Ministru li kien għamel l-ewwel talba tiegħu bħala Prim Ministru lil President Franċiż Francois Hollande biex isir is-self ta’ dan is-sejf.
Talba li fi kliemu kulħadd kien qallu li kienet waħda impossibbli u l-President biss seta’ jippermetiha. Iżda f’inqas minn 24 siegħa, ir-rikjesta tal-Prim Ministru għaddiet għand l-Awtoritajiet u minkejja li dawn tal-aħħar ma kinux favuriha, Hollande qal lil Prim Ministru li jsellef lil pajjiżna s-sejf jekk jwiegħed li jingħata lura lil Franza.
Hollande propju ħa d-deċiżjoni tiegħu abbażi ta’ dak li kien qallu l-Prim Ministru Malti u llum qed naraw il-frott ta’ din ir-relazzjoni tajba bejn Muscat u Hollande.
“Nilqgħu dan is-sejf bi kburija, dan huwa mument storiku.” – JM
Huwa ħeġġeġ lill-familji u l-iskejjel biex iżuru l-eżebizzjoni. Min-naħa tiegħu, Dr Joseph Buttigieg, Chairman ta’ Heritage malta qal li din l-ikona teħodna lura għall-iżvilupp tal-identità Maltija. Eżebizzjoni li għandha ssaħħar lil kulħadd, għaliex fi kliemu din tqanqal interess fil-vjaġġ ta’ qlubija ta’ missirijietna.
Il-Ministru Owen Bonniċi qal li din l-eżebizzjoni hija turija kemm il-Gvern hu kommess li jkompli jaħdem fuq il-kultura ta’ pajjiżna.
“Dawn mhux biss huma setturi li jagħmluna pajjiż li jfittxu t-turisti iżda jagħmluna kburin bħala poplu.” – Ministru Owen Bonnici
Huwa saħaq li l-Gvern se jkompli jippromowovi l-kultura Maltija u t-talenti artistici f’pajjiżna u barra minn xtutna.