Uffiċjal tal-Għaqda Patrijotti Maltin, Stephen Florian, talab skuża talli uża l-ġeneru ta’ Alex Caruana, li huwa persuna trans, biex jgħajjru għax ipparteċipa f’manifestazzjoni kontra l-immigranti.
Florian li huwa lecturer tal-Universitá qal dan il-kliem fuq Facebook, fejn qal li wasal iż-żmien biex naraw min vera hu Alex Caruana u kif “tfajla li issa isejjaħ lilha nnifisha bħala Alexander tintegra mal-kommunitá Musulmana”.
B’reazzjoni għal dan, Alex Caruana qal li l-‘patrijotti’ attakawh abbażi tal-ġeneru tiegħu u li kellhom iduru għall-attakki personali ladarba ma kellhomx argumenti validi li jistaw jagħmlu.
L-uffiċjal tal-Patrijotti Maltin, fi stqarrija, għamel kjarifika u apoloġija pubblika lil Alex Caruana, fejn iddikjara pubblikament li qatt ma kellhu problemi ma’ persuni LGBTI u li huwa kburi li matul ħajtu sab fost dawn in-nies, ħafna ħbieb.
“Dak li ktibt jien dalghodu fil-post ma kienx miktub sew (error of judgement) u ma kelli l-ebda intenzjoni ta’ omofobia li l-gazzetti assoċjawni magħha.”
Huwa qal li kien sorpriż, meta ra lil Caruana, fost dawk li “iddisturbaw” il-protesta f’Buġibba.
“Bl-ebda mod ma nixtieq nagħmel ħsara lil ħadd: La lis-Sur Alex Caruana, la lill-Moviment Patrijotti Maltin li matul l-aħħar xhur ghadda minn tibdil sostanzjali u lanqas lill-partijiet oħrajn f’din l-istorja tant assurda.”