“Nisfidaw lil Simon Busuttil jippubblika prova ċara li l-loan ta’ kwart ta’ miljun Ewro li kien tahom Zaren Vassallo ftit jiem wara d-deal tal-art tal-Lowenbrau tħallas lura biex jitneħħa kull dubbju.”
Din kienet l-isfida li għamel il-Ministru Owen Bonniċi waqt konferenza tal-aħbarijiet li ndirizza fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Il-Ministru tkellem dwar sensiela ta’ dubji li wieħed jistaqsi, wara dak żvelat mill-Awditur Ġenerali. Fosthom staqsa hix konċidenza li wara li nstab il-kompromess fuq l-art tal-Lowenbrau biex Vassallo bena imperu (wara intervent dirett ta’ Jason Azzopardi), Zaren Vassallo ta għotja ta’ €250,000 lill-Partit Nazzjonalista.
“Mhux ovja li jqumu dubji kbar?” qal il-Ministru Bonnici, u staqsa hux kumbinazzjoni li Vassallo xtara l-kumpanija LBM Breweries, bil-patt li jtiru l-kundizzjonijiet tal-art u l-fiddi taċ-ċens, u f’temp qasir il-Gvern qabel li jitħassru l-kundizzjonijiet u jifdi ċ-ċens. Flok issoktaw il-proċeduri legali li beda d-dipartiment tal-artijiet, daħal Azzopardi u qal li jinstab kompromess.
Il-Ministru qal li jqumu dubbji akbar meta l-finanzi tal-PN huma mistura, u biex dawn jitneħħew, sfida lil Simon Busuttil jippublika prova li s-self li tagħhom Vassallo tħallas lura.
Sfidah ukoll jgħid fuq l-iskema taċ-ċedoli jew dejn sigriet li ħadd ma jaf xejn fuqha ħlief minn ħawwad fil-borma u staqsa jekk Zaren Vassallo għandux xi ċedola.
“Simon Busuttil ma jistax jibqa’ mistoħbi, flok jattakka lil ġurnalisti li jsaqsu fuq dan il-każ, għandu jwieġeb aktar u aktar meta dan huwa l-istess persuna li jgħajjar lil kulħadd korrott fosthom riċenti lill-Kummissjoni Ewropea għax approvat il-proġett tal-enerġija” qal il-Ministru Bonnici.
IL-FATTI
- 3 ta’ Diċembru 2009– Il-Gvern Nazzjonalista jaċċetta li jinfeda ċ-ċens, iżda jmur pass oltre u jbiegħ id-dirett dominju mingħajr rizoluzzjoni Parlamentari jew tender lil LBM Breweries Ltd. Ikun illiberat il-ħlas taċ-ċens u l-kundizzjonijiet kollha. Vassallo Builders iħallas €465,875 lill-Gvern għal din l-art.
- 23 ta’ Diċembru 2009– F’inqas minn xahar mill-iffirmar tal-ftehim preliminari bejn Marsovin u Vassallo Builders, li kien jistipula li għandu jkun hemm it-tneħħija tal-kundizzjoni tal-art u li jkun mifdi ċens, ikun iffirmat l-aħħar ftehim bejn iż-żewġ kumpanija. 20 ġurnata qabel il-Gvern kien qabel mal-kundizzjonijiet li għamlu f’kuntratt bejniethom iż-żewġ kumpaniji.
- 20 ta’ Mejju 2011– Il-Kummissarju tal-Artijiet jibgħat ittra uffiċjali kontra LBM Breweries li issa saret Catergroup biex jitħassar il-kuntratt illegali tat-3 ta’ Diċembru 2009.
- Insibu kompromess– f’laqgħa bejn Zaren Vassallo u Jason Azzopardi dan tal-aħħar jgħid li se jinstab kompromess wara li Vassallo rċieva l-ittra uffiċjali mill-lands jitolbu li l-kuntratt ta’ Diċembru 2009 ikun dikjarat illegali.
- 30 ta’ Jannar 2012– il-kompromess mitkellem kien intervent dirett ta’ Jason Azzopardi li waqaf il-proċeduri legali u minflok jaħtar kumitat ta’ 3 periti li stmaw il-valur tat-tneħħija tal-kundizzjoni bil-valur tal-1990 – biex art ta’ €8miljuni telqet għal €700,000.
- Zaren Vassallo jagħti għotja lill-PN– ftit biss wara li nstab il-kompromess u l-art fl-Istabal saret ta’ Zaren Vassallo biex minn birrerija nqalbet għal hub ekonomiku u tar-retail – Zaren Vassallo ta’ għotja (loan) ta’ kwart ta’ miljun lill-Partit Nazzjonalista. Dan il-fatt huwa kkonfermat mis-Segretarju Ġenerali preżenti u mill-predeċessur tagħha. Wieħed ifakkar bl-affinità li teżisti bejn il-PN u Zaren Vassallo li saħanistra kien jieħu lill-esponenti tal-PN fuq il-Cabin cruiser.