Jirriżulta li l-organizazzjonijiet miġbura taħt l-għaqda Friends of Manoel Island u s-Sindku tal-Gżira nnifsu ma tantx huma kuntenti bil-pjan li tal-MIDI għandhom għal din iż-żona. Conrad Borg Manche, Sindku tal-Gżira, qal li hu jinsab “diżappuntat bil-proposti, prinċipalment minħabba li se jirriżultaw f’taħwida oħra ta’ ħwienet u spazju kummerċjalizzat.”
Borg Manche tkellem wara li ngħataw preżentazzjoni dwar il-proġett. Qal li l-proposta li l-ġojjell tal-forti jinbidel f’lukanda għalih huwa kompletament inaċċetabbli. “Irridu nirrispettaw il-bini storiku u mhux nikkumerċjalizzawh,” qal is-Sindku dwar art u proprjetà li għaddiet għand il-privat fi żmien amministrazzjoni preċedenti. Għalih ikun jagħmel iktar sens kieku dawn jintużaw għal xi skop edukattiv. Fi kliemu lukanda u casino jtellfu l-valur tal-wirt storiku u qal li fil-preżentazzjoni ssemmiet iktar minn darba l-frażi ħwienet ta kwalità.
Borg Manche qal li l-ħsieb hu li jkun hemm ukoll helipad u fejn jidħlu s-super yachts.
Puntun għal dik li tissejjaħ “water taxi” wkoll huwa fil-pjanijiet u skont is-Sindku jekk dan jiġri jirrovina l-baħar ċar kristall li hemm fil-post. “X’se jkun hemm għall-pubbliku?” staqsa s-Sindku li qal li jitkellem f’isem iċ-ċittadin komuni li mhux sejjer hemm biex jixtri jew jilgħab il-flus. “Ftit wisq,” kienet l-osservazzjoni tiegħu li nsista li l-pjani tal-MIDI huma tajbin għal elite iżda li m’għandhomx spazju għaċ-ċittadin u nsista li Manoel Island trid toħloq bilanċ għal dak li l-MIDI għamlu f’Tigne. “Il-proġett huwa marbut ma’ Tigne u ma nistgħux narawh b’mod separat,” iddikjara s-Sindku.