- Mossa oħra ta’ trasparenza bla preċedent
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kif ukoll membri tan-naħa tal-Gvern tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC), ippreżentaw ittra lill-Iskrivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti, biex tgħaddiha liċ-Chairman tal-istess Kumitat, li fiha qed jitolbu biex il-kuntratti sħaħ bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare jgħaddu għand l-Awditur Ġenerali.
Fearne spjega li l-Gvern mhux talli ma għandux x’jaħbi, talli dan il-proġett ta’ sptar ġdid ta’ 450 sodda f’Għawdex, sptar ta’ riabilitizzjoni u ċentru ta’ turiżmu mediku f’St Luke’s, sptar tal-ġerjatrija f’Karen Grech u skola medika ta’ Barts, jagħmel unur lill-gvern u ser iħalli impatt pożittiv kemm fil-kura tas-saħħa kif ukoll fuq l-ekonomija tal-pajjiż.
Il-membri tal-Gvern tal-PAC, is-Segretarji Parlamentari Ian Borg u Chris Agius u d-deputati Charles Mangion u Joseph Farrugia talbu liċ-Chairman tal-PAC biex l-Awditur Ġenerali jkun jista’ jara:
1. Jekk il-konċessjoni tirrapreżentax valur tajjeb għall-ħlas li ser ikun qed jagħmel il-gvern għas-servizz tas-saħħa pubblika.
2. Jekk in-nefqa kapitali fil-bini ta’ faċilitaijiet ġodda, apparat ġdid, it-taħriġ, u l-kwalità tas-servizzi li VGH intrabtu li jagħtu u jmantnu tul il-konċessjoni jikkostitwux titjib fuq is-servizz eżistenti u, jekk iva, x’livell ta’ titjib.
3. Jekk il-kuntratti, inkluż l-investiment fit-turiżmu tas-saħħa u l-iżvilupp fl-iskola medika ta’ Barts, jirrapreżentawx benefiċċju ekonomiku għall-pajjiż u jtejjbux is-sostenibilità tas-servizz tas-saħħa fil-pajjiż.
4. Jekk id-drittijiet tal-impjegati fis-settur pubbliku li jagħtu servizz fl-Isptarijiet ta’ Għawdex, Karin Grech u San Luqa, humiex mħarsa.
5. Jekk il-kuntratti jinkludix proċeduri suffiċjenti biex il-gvern jikkontrolla l-progress fuq l-iżvilupp tal-proġett, kif ukoll il-livell ta’ servizz ottjenut.
Il-Kuntratti lill-Awditur Ġenerali se jkunu ppreżentati fl-intier tagħhom.