Id-De La Rue se tkun qed iżomm il-proċess tal-istampar tal-flus f’pajjiżna wkoll biex kuntrarju għal dak imħabbar diversi xhur ilu d-De La Rue mhux se tnaqqas impjegati u lanqas toffri skemi ta’ rtirar kmieni. Minflok se tkun qed iżżid il-ħaddiema tagħha għal ħames mija.
Bħala parti minn proċess ta’ reviżjoni kontinwu d-De La Rue ħabbret iktar kmieni din is-sena li se toħloq ċentru ta’ eċċellenza b’investiment ta’ €33,000,000 f’apparat ġdid u ħaddiema ġodda u iktar imħarrġa. Issa, bix-xogħol fuq iċ-ċentru ta’ eċċellenza avvanzat sew, d-De La Rue ddeċidiet li żżomm kollox hawn bħala parti minn dan iċ-ċentru.
Id-De La Rue hija l-ikbar kumpanija fid-dinja fl-istampar tal-flus u l-passaporti u din l-aħbar waslet fi żmien fejn l-operat tagħha qed jissaħħaħ. Uffiċjal tad-De La Rue, qal li l-ħaddiema f’Malta wrew li huma produttivi u flessibbli. “Dak li għandna bżonn,” kompla jintqal.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat li ltaqa’ ma’ dawn l-uffiċjali tenna li wara diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat huwa sodisfatt b’din id-deċiżjoni. “Erġajna wrejna li Malta huwa post mill-aqwa fejn tagħmel in-negozju,” qal il-Prim Ministru li fisser kif se jsiru programmi ġodda ta’ tagħlim minħabba l-interess f’din l-industrija. Fil-fatt fil-21 ta’ Settembru tħabbar li kumpanija oħra fl-istess settur, Crane Currency, se tiżviluppa hi wkoll ċentru ta’ eċċellenza f’Malta.