Il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici indirizza konferenza fejn tħabbar kunċert mill-eks-kantant tal-Iron Maiden Blaze Bayley, li se jkun qiegħed isir fit-Teatru Orpheum nhar il-11 ta’ Frar u fejn se jkunu qegħdin jieħdu sehem ukoll bands Maltin.
Il-Ministru Bonnici qal li “dawn l-avvenimenti huma mhux biss intratteniment tajjeb għad-dilentanti tal-ġeneru mużikali partikolari imma wkoll vettrina għall-mużiċisti Maltin, b’mod partikolari f’dan il-każ għal bands mill-ġeneru tal-metal li huwa popolari ferm f’Malta u segwit ukoll minn ħafna dilettanti. Tassew, minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, għandna abbundanza ta’ talent li kontinwament jagħmilna kburin kemm lokalment u kemm fuq skala internazzjonali.”
Malta filfatt għandha xena mużikali rikka, b’għadd ta’ bands u mużiċisti Maltin li kemm-il darba wasslu l-kultura mużikali u t-talent Malti lil hinn minn xtutna b’suċċess kbir. Dan huwa partikolarment minnu fil-ġeneru tal-metal fejn għadd ta’ bands lokali magħrufin anke kienu fuq tours barra minn Malta.
Il-Ministru qal ukoll li jemmen li minbarra l-importanza li l-mużika għandha bħala parti ewlenija mill-kultura tagħna, għandha wkoll rwol vitali fl-għaqda tan-nies b’apprezzamanet għal form ta’ arti li tmur lil hinn mid-differenzi li jaf jeżistu bejn persuni jew sħansitra popli.