Il-movimenti tal-passiġġieri bla preċedent ta’ Awwissu, li ammontaw għal 598,515, kisru kull rekord tat- traffiku stabbilit mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Il-previżjonijiet inizjalment indikaw li tul l-aktar jum impenjattiv ta’ Awwissu, l-ajruport kien mistenni jilqa’ madwar 22,500 passiġġier. L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kkonferma li din iċ-ċifra prevista nqabżet u l-ajruport fil-fatt laqa’ 22,908 passiġġier.
L-linji tal-ajru rnexxielhom jimlew aktar postijiet disponibbli, hekk kif aktar turisti għażlu li jtiru lejn Malta għall-btala tagħhom ta’ Awwissu.
Ħarsa lejn l-aqwa ħames swieq tal-ajruport turi li, ix-xahar li għadda, il-maġġoranza tat-turisti li taru lejn Malta ġew:
- Mir-Renju Unit
- L-Italja
- Il-Ġermanja
- Franza
- Spanja
B’dan tal-aħħar, għat-tieni xahar konsekuttiv, deher bħala l-ħames l-aqwa kontributur tat-traffiku lejn Malta.
Rati ta’ tkabbir ta’ 3.6% u 4.1% għenu lir-Renju Unit u lill-Italja rispettivament, jaċċertaw il-pożizzjoni tagħhom bħala l-aqwa żewġ kontributuri tat-traffiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Dawn iż-żewġ swieq igawdu minn netwerk imtejjeb ma’ Malta, anki wara li reċentement żdiedu xi titjiriet fuq għadd ta’ rotot bħal Edinburgh u Katanja u ġiet introdotta rotta ġdida lejn Palermo.
Is-swieq li rreġstraw l-akbar tkabbir, min-naħa l-oħra, kienu l-Polonja u Spanja, Il-Polonja rreġistrat tkabbir ta’ 47% fuq is-sena li għaddiet, wara li l-introduzzjoni ta’ Gdansk u Poznań tellgħu n-numru ta’ rotot Pollakki għal ħamsa. Min-naħa l-oħra, Spanja rreġstrat tkabbir ta’ 14.7% fuq l-2015 wara l-bidu tal-operat ta’ Iberia Express minn Madrid u kapaċità miżjuda lejn Gerona.
It-tagħbija u l-posta rreġistraw tnaqqis ta’ 3.20% fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet.