Kuntrarju għal dak li ġie rrappurtat bi prominenza fil-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista, In-Nazzjon tal-lum, f’dawn l-aħħar tliet xhur ma kien hemm l-ebda każ ta’ influwenza H1N1 fl-Isptar Mater Dei.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa.
Minn Ottubru sal-lum, fl-Isptar Mater Dei kien hemm 110 każi ta’ influwenza li ġew konfermati minn testijiet fil-laboratorju. F’kull każ instab li l-influwenza kienet tat-tip H3, u ma nstab l-ebda pazjent li kellu l-virus tal-influwenza H1 minn Ottubru sal-lum.
Il-fake news li ħarġet biha dalgħodu In-Nazzjon mhi xejn għajr allarm fil-vojt fejn mhux loku.
Kif jiġri f’dan iż-żmien tas-sena, fl-Isptar Mater Dei hemm influss akbar ta’ pazjenti kawża tal-influwenza staġjonali, tal-kesħa u anka minħabba bidliet demografiċi. Madanakollu, grazzi għall-isforzi kontinwi li jsiru mill-professjonisti kollha fil-qasam tas-Saħħa, inklużi l-konsulenti, it-tobba, l-infermiera, u l-ħaddiema kollha f’kull livell, is-sitwazzjoni hi taħt kontroll u l-ħinijiet ta’ stennija fl-Emerġenza xorta jikkumparaw favorevolment ħafna ma’ dawk ta’ snin ilu.
Huwa proprju dan il-fatt li ma tistax taċċetta l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li bil-ħidma ta’ Gvern Laburista, il-pazjent qed jingħata servizz aħjar mill-istess perjodu taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.
Intant, it-tilqima kontra l-influwenza għadha tinsab fiċ-ċentri tas-saħħa kollha mingħajr ħlas għall-poplu kollu, u jibqa’ l-parir tal-Ministeru li min għadu ma ħax din it-tilqima, jeħodha issa. S’issa diġà ħadu l-vaċċin aktar minn 70,000 ruħ, li hu record assolut.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għandha tkun aktar sensittiva mal-bżonnijiet tal-poplu Malti u tevita li toħloq allarm mhux veritier f’mument daqshekk delikat.