Nexia BT, il-kumpanija li taħdem fil-qasam finanzjarju, ikkonfermat li l-kumpanija Egrant reġistrata l-Panama hija kumpanija ta’ Nexia BT, qatt m’għamlet negozju u qatt ma bidlet l-idejn. Brian Tonna kkonferma dan mal-Maltatoday bil-gazzetta ta’ nhar ta’ Ħadd tirrapporta fil-faċċata “Nexia boss: I own Egrant.”
Brian Tonna li jmexxi l-kumpanija qal hekk mal-Maltatoday: “Għamiltha ċara ħafna diġà li Egrant, li nxtrat mid-ditta tiegħi f’Lulju tal-2013 hija kumpanija fuq l-ixkaffa (shelf company) li hija disponibbli biex tkun akkwistata minn xi klijent. La qatt kellha u lanqas għandha klijenti bħala benefiċjarji tagħha u qatt ma kienet attiva,” qal Tonna għall-mistoqsija tal-Maltatoday.
Saħansitra dan kien ikkonfermat f’dokument ta’ Mossack Fonseca li kien ippubblikat fl-istess gazzetta.
B’mod indirett u f’ċerti okkażjonijiet anke dirett, fl-aħħar xhur kienu diversi drabi li l-Partit Nazzjonalista, partikolarment il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil prova jimplika li din il-kumpanija seta’ kellha rabta mal-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru mhux biss ċaħad dan minnufih iżda fil-Parlament qal lil Simon Busuttil biex jekk għandu jgħid xi ħaġa jaqbad u jgħidha għax hu m’għandu xejn fuq il-kuxjenza.
B’rabta mal-Panama Simon Busuttil għamel numru ta’ allegazzjonijiet fejn xifatti żżejnu b’aġġettivi u allegazzjonijiet. Tant li llum qed jiffaċja numru ta’ libelli fil-Qorti. Din il-ġimgħa ma kienx kapaċi jtella’ provi fil-Qorti fil-libell li fetaħlu Keith Schembri u biex ma jixhedx inħeba wara legaliżmi.