Dsatax-il persuna nqatlu fil-Ġappun wara attakk b’sikkina li seħħ f’ċentru tal-kura għall-persuni b’diżabilitajiet mentali. L-inċident seħħ f’Sagamihara, fil-Punent ta’ Tokyo u qed ikun meqjus bħala l-agħar attakk fil-pajjiż f’numru twil ta’ snin.
Anke għax attakki bħal dawn huma meqjusa estremament rari fil-Ġappun. Il-pulizija arrestaw ex-impjegat, ta’ sitta u għoxrin sena li jidher li mar fl-eqreb għassa tal-pulizija u ta’ ruħu b’idejh lill-pulizija fejn ammetta li kien hu li wettaq l-attakk. Huwa qal li ried jeqred lill-persuni b’diżabilità minn wiċċ id-dinja.
Il-pulizija tal-lokal qalu li fi Frar li għadda, s-suspettat kiteb ittra lill-politikanti li fiha hedded li joqtol mijiet ta’ persuni b’diżabilità. Ir-rapporti qed jgħidu wkoll li s-suspettat aktarx kisser xi tieqa biex daħal f’dan iċ-ċentru.
Waqt il-ħin tal-attakk, kien hemm b’kollox 160 resident u tmien membri tal-istaff . Il-vittmi ta’ dan l-attakk għandhom bejn dsatax u sebgħin sena filwaqt li ħamsa u għoxrin persuna oħra huma rrapurtati feruti, b’għoxrin minnhom serjament.