Il-kawża tal- qtugħ tad-dawl ta’ dan il-lejl kienet ġejja mill-fatt li għal xi ħin l-interconnector ma baqax disponibbli. Dan wara li n-naħa ta’ Sqallija kien hemm ħsara li teknikament hija magħrufa bħala circuit breaker u li kellha effett fuq il-provvista tal-elettriku f’pajjiżna. Ikkonfermaw dan imkejjen mill-korporazzjoni tal-Enemalta.
Inċidenti ta’ dan it-tip kienu saħansitra nnutati f’rapport tal-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar jiem. Rapport li jgħid li gżira bħal Malta ma tistax tiddependi fuq l-interconnector. Il-Kummisjoni Ewropea rrikonoxxiet kif Malta ma tistax tkun dipendenti fuq l-interconnector ma’ Sqallija biss, kif trid l-Oppożizzjoni ta’ Simon Busuttil.
“Ladarba Malta trid tirrispetta l-kriterja N-1, il-kapaċità adegwata trid tkun assigurata mhux biss biex tlaħħaq mad-domanda iżda anke biex tagħmel tajjeb għan-nuqqas tal-interconnector jekk ma jkunx disponibbli,” jgħidu l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea.
Għalhekk, ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea kkonkluda li l-proġett tal-impjant tal-gass se jagħti serħan il-moħħ biex Malta tkun konformi mal-kriterji li hija obbligata li tilħaq. Anke għaliex b’interconnector għaddej taħt il-baħar jekk jinqalgħu ħsarat u diffikultajiet ma jissolvewx mil-lum għal għada.
Dalgħodu, fi stqarrija l-Enemalta spjegaw l-emerġenza fin-network tad-dawl tul il-lejl.