Kien Simon Busuttil innifsu li f’laqgħat ma’ Silvio Debono tad-DB Group, esiġa li l-finanzjament tal-pagi tas-Segretarju Ġenerali u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Il-laqgħat saru fid-Dar Ċentrali f’perjodi differenti u għalihom attendew persuni oħra.
Fis-Sajf tal-2013, ftit wara li sar kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil kellu laqgħa mal-imprenditur Silvio Debono u fiha qallu ċar u tond li l-Partit Nazzjonalista għandu problemi finanzjarji.
Fi żmien fejn ma kienx hemm biex jitħallsu l-pagi tal-ħaddiema, talbu jkopri l-paga tas-Segretarju Ġenerali, li dak iż-żmien kien Chris Said. It-talba nltaqgħet u eventwalment, meta Said irriżenja f’Mejju tal-2015, bdiet titħallas il-paga ta’ Rosette Thake.
Bejn il-ħatra ta’ Said u ta’ Thake fil-Partit Nazzjonalista kienet inħolqot kariga oħra. Din id-darba wkoll Simon Busuttil kellem lil Silvio Debono tad-DB Group.
Kien lejn l-aħħar tas-sajf tal-2014 meta Busuttil reġa mar għand Debono, din id-darba biex iħallaslu wkoll il-paga tal-Kap Eżekuttiv.
Kariga li ħa Brian St John uffiċjalment f’Ottubru tal-istess sena.
ONE NEWS jinsab f’pożizzjoni li jikkonferma dawn id-dettalji b’ċertezza l-għada li l-grupp qal hekk f’waħda mill-istqarrijiet tiegħu: “kienu l-ogħla uffiċjali tal-PN stess li qalulna li s-€70,800 li talbuna kienu se jintużaw biex jitħallsu l-pagi tas-Segretarju Ġenerali u s-CEO.”
ONE NEWS ikkonferma ma’ mkejjen differenti li l-ogħla uffiċjal mhu ħadd ħlief Simon Busuttil innifsu. Biex kien hu direttament li ħoloq din l-iskema pagi tal-Partit Nazzjonalista.
Saħansitra t-Tnejn filgħaxija Busuttil kien mistoqsi b’mod dirett dwar dan u qgħad attent ħafna biex filwaqt li jaħrab il-mistoqsija ma jiċħadx b’mod dirett.
Biex il-Partit Nazzjonalista ma jdaħħalx dawn l-għotjiet fir-rendikont li jrid jagħti bil-liġi tal-finanzjament tal-partiti għamel arranġament li permezz tal-kumpanija media.link jinbgħatu invoices lil DB Group.Kif fil-fatt sar.
Waqt żjara fl-Universitá t-Tlieta wara nofsinhar Simon Busuttil kien mistoqsi jekk qattx iltaqa’ ma’ Silvio Debono u reġa’ jgħid talbux ħlas għall-pagi speċifiċi.”Jiena ltqajt ma’ Silvio Debono numru ta’ drabi minn kemm ili Kap,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Qal li fost dawn il-laqgħat kien hemm dik fejn Busuttil kien ippreżentat bil-proġett tal-ITS. Iżda mhux biss.
“Iltqajt miegħu drabi oħra fejn l-għajnuna u d-donazzjonijiet tiegħu lill-partit u r-reazzjoni kummerċjali ssemmiet ukoll. Jiena konxju minn dan kollu.” – Simon Busuttil
Mistoqsi x’talab f’dawn il-laqgħat fejn iddiskuta d-donazzjonijiet lill-Partit Nazzjonalista u media. Link, Busuttil qal li ma talab xejn.
Iżda, l-informazzjoni li għandna tgħid mod ieħor u l-istqarrijiet ta’ DB Group dejjem sostnew li huma dejjem intalbu biex jagħtu l-flus li għaddew lill-Partit Nazzjonalista.
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti, Simon Busuttil ma weġibx dwar x’tawh tad-DB fis-snin ta’ qabel l-2016. U fid-dawl li prova jgiddeb lil tad-DB, li qed jinsistu li jħallsulu l-pagi, staqsejna jekk għandux provi biex imerihom. La ta dettalji fuq waħda u lanqas ħareġ provi fuq l-oħra.