“Aktar investiment u impjiegi f’pajjiżna” irrimarka dan il-Prim Ministru Joseph Muscat f’kollegament fuq ONE Radio. Il-Prim Ministru tkellem dwar ir-relazzjoni ta’ bejn Malta u l-Istati Uniti u li wara l-investiment ta’ $100 miljun f’Malta mill-kumpanija Amerikana Crane Currency, investiment li se jfisser aktar minn 200 impjieg, li jitilgħu għal 300, u xogħol ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin, pajjiżna se jkun qed jibbenefika minn aktar investiment u riżultati fiż-żmien li ġej.
Aktar investiment f’pajjiżna jfisser aktar xogħol, xogħol li jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhu l-Maltin u l-Għawdxin u jżid il-prosperita’. Il-Prim Ministru fisser kif ir-relazzjonijiet ta’ bejn Malta u l-Amerka ma kinux b’saħħithom biżejjed, iżda li dan il-Gvern huwa pożittiv li bil-ħidma li qed jagħmel id-diskussjonijiet li qed isiru se jwasslu għar-riżultati.
“Huwa kruċjali li f’Malta inkomplu nattiraw l-investiment barrani biex bħal ma għamilna f’dan il-baġit, riżultat ta’ ekonomija b’saħħitha, nkunu nistgħu nqassmu l-ġid fost kulħadd. Inkunu nistgħu nagħtu pagi aħjar u nkompli nżidu l-pensjonijiet” irrimarka l-Prim Ministru fuq ONE Radio.
Gvern li jrid ibiddel u jkompli jġib il-ġdid
Il-Prim Ministru qal li hemm lezzjonijiet x’nitgħallmu minn pajjiżi oħra, waħda mill-lezzjonijiet iċ-ċari hija lin-nies ikunu qed jistennew li l-politiċi ma jkunux qed jinħakmu minn sistema li tiblagħhom, imma jkunu huma li jbiddlu l-affarijiet minn żmien għal ieħor. Aħna determinati, bħala Gvern li ma nkunux parti minn xi establishment li jħalli l-affarijiet kif inhuma anzi aħna parti minn sistema li trid tbiddel u trid tinbidel, tenna Joseph Muscat.
Huwa saħaq li dan il-Gvern huwa determinat li ma jkunx parti mill-establishment li ma jbiddilx iżda li jkun katalist tal-bidla u li huwa biss min ma jbiddilx li ma jiġiex kritikat. Fi kliem il-Prim Ministru l-għan ewlieni ta’ dan il-Gvern huwa li jkun l-id tas-self-employed iż-żgħir, tal-pensjonant, tal-ħaddiem, taż-żgħażagħ, tal-istudenti, flimkien mal-minoranzi bħal persuni LGBT, li huwa kruċjali li jaraw u jħossu s-sens ta’ bidla li qed iġib dan il-Gvern fil-pajjiż u din il-bidla qatt m’hija se titneħħa mis-sistema tagħna.
Oppożizzjoni negattiva li tikritika l-bidla
Hawnhekk il-Prim Ministru irrefera għall-Oppożizzjoni negattiva li tikritika l-bidla filwaqt li tikkontradixxi lilha nnifisha, “L-Oppożizzjoni tikritika s-settur tas-saħħa meta dan il-Gvern irnexxilu jsolvi l-problema tal-out of stock, fejn qegħdin inaqsu l-waiting lists, qed inaqqsu bi kbir il-ħinijiet ta’ stennija għall-emerġenza fejn qed indaħħlu fi sħubija magħna fil-privat biex isolvi dawn il-problemi.”
Il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern ma nqatgħax mill-għeruq tiegħu iżda qed jinfirex f’setturi differenti u ġodda għal ekonomija aktar b’saħħitha.
“Dan huwa sinjal ta’ Gvern li mhux parti mill-antik iżda li jrid il-bidla u se jkompli jġib il-ġdid lejn pajjiżna. Id-differenza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni hija ċara – għandna Oppożizzjoni li tikritika l-ġid u Gvern li se jkompli jġib il-bidla” temm jgħid il-Prim Ministru.