Fl-aħħar ħames snin kien hemm 56 pulizija aggredit waqt il-qadi ta’ dmirijietu, bl-ikbar numru ta’ każi seħħew fl-2013 meta kienu aggrediti sbatax -il pulizija. Is-sena li għaddiet kienu tnax il-każi ta’ pulizija li sfaw vittmi ta’ vjolenza waqt il-qadi ta’ dmirijithom, każ inqas mill-2014 meta seħħew 13-il każ. Fl-2012 u din is-sena seħħew seba’ każi.
Sa din il-ġimgħa stess il-Qorti tat messaġġ ċar kontra dawn it-tip ta’ każi. Il-Maġistrat Joe Mifsud iddikjara li l-Qorti tagħmilha ċara li l-pulizija jridu jkunu protetti waqt li jkunu qed jagħmlu d-dmirijiet tagħhom u ħadd ma huwa skużat – tkun xi tkun ir-raġuni – li jhedded lil xi uffiċjal tal-pulizija jew li b’ xi mod iweġġgħu.
“Ordni tal-pulizija għandha tkun obduta mil-ewwel u għandu jintwera rispett lejn kull uffiċjal dejjem u kullimkien. Dan ir-rispett għandu jidher b’mod l-aktar ċar f’sitwazzjonijiet fejn tkun daħlet imqar naqra tensjoni,” iddikjarat il-qorti. Din mhix l-ewwel darba li l-Qorti kienet iebsa.
Il-Qorti fl-Appell Kriminali fil-każ Il-Pulizija vs. Mathew Peter O’ Toole intqal li “l-qrati ma jistgħux jittrattaw każijiet bħal dawn fejn ikunu mhedda uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija, waqt li qed jaqdu dmirijiethom – kultant f’sitwazzjonijiet diffiċli u delikati – b’leġġerezza, qisu ma ġara xejn, bħallikieku l-Pulizija qiegħed hemm biex jiġi mżeblah, sfidat, u mhedded.”
Sal-lum il-pulizija li jgħaddu minn każi bħal dawn, bħal membri oħra ta’ korpi dixxiplinat, ma jgawdux minn polza ta’ assigurazzjoni. Xi ħaġa li l-Gvern qiegħed jikkunsidra bis-serjetà. Tant li fil-baġit għal din is-sena jingħad li din it-tip ta’ polza ta’ assigurazzjoni se tkun implimentata.
“Se nwettquha tul is-sena li ġejja (2017) u se tapplika għal kull impjegat fis-servizz pubbliku,” kien qal il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. Żied li filwaqt li l-Gvern irid jiżgura li kull impjegat tiegħu jingħata ilbies protettiv adattat għax-xogħol tiegħu u t-taħriġ neċessarju, fil-każ sfortunat li impjegat waqt il-qadi ta’ dmirijietu jsofri korriment li jwassal għal diżabilità permanenti li ma tħallihx ikompli jaħdem, jew fil-każ li impjegat jitlef ħajtu, il-Gvern jagħti kumpens finanzjarju lill-impjegat jew lill-werrieta, mingħajr ma jkun hemm għalfejn tinfetaħ kawża legali.
Dan l-artiklu tista’ ssibu fil-gazzetta KullĦadd